Solidarjetà
Il-poplu Malti se jtaffi l-ġuħ għal eluf ta’ familji fqar

Eluf ta’ familji fil-Perù, Pakistan u Filippini, se jiġu salvati mill-mewt grazzi għall-ġenerożità tal-Maltin u l-Għawdxin li taw id-donazzjoni tagħhom fil-Maratona Oħloq Tbissima fejn inġabru ‘l fuq minn €630,000. Fr Ġiġi Mallia, id-Direttur ta’ Dar San Ġużepp qal lil TVM li l-missjunarji huma ferħanin ħafna li b’dawn id-donazzjonijiet se jirnexxielhom jitimgħu ħafna familji li minħabba l-pandemija, qed isofru minn ġuħ kbir.

Il-Maratona Oħloq Tbissima din is-sena ħalliet lil kull min ħadem fiha ferħan se jtir għax intlaħaq l-għan ewlieni li jinġabru fondi biżżejjed biex jitimgħu familji li jbatu l-ġuħ fil-Perù, il-Pakistan u l-Filippini. Il-Covid-19 kompla tefa f’ġuħ ikbar lill-ifqar fost il-fqar f’dawn il-pajjiżi, fejn eluf mietu, oħrajn baqgħu jimirdu u ħafna oħra m’għandhomx x’jieklu u jixorbu u lanqas il-mediċini bażiċi.

Il-missjunarji tas-Soċjetà Missjunarja ta’ San Pawl ilhom is-snin jagħmlu d-differenza fil-ħajja tal-fqar, mhux biss b’direzzjoni spiritwali, imma jtaffulhom it-tbatija fosthom mill-ġuħ kbir li minħabba Covid 19, dawn il-familji spiċċaw b’xejn.

Sibna lil Fr Ġiġi Mallia sorpirz u anki grat għal tant Maltin u Għawdxin li ħassew il-karba ta’ dawn il-familji fit-tbatija.”L-għajta tagħna kienet sempliċi ħafna, aħna xtaqna li mmorru għall-bażiku, għax il-missjunarji jgħidulna l-kappella saret store tal-ikel”.

Fil-Pakistan, Perù u Filippini, il-Covid 19 ġab ħerba sħiħa, bil-missjunarji qed ikunu dawk fuq quddiem biex isalvaw il-ħajjiet, fosthom ta’ tfal li jispiċċaw jorqdu mhux għax kieli, imma biex jinsew il-ġuħ. “Diversi eluf ta’ familji se jkollhom ikel sustanzjuz, għas-sena li ġejja, issa nittamaw li din il-pandemija ma tkomplix ittul”.

Fil-Pakistan, fil-Perù u l-Filippini, is-saċerdoti tas-Soċjetà Missjunarja ta’ San Pawl, jirriskjaw ħajjithom kuljum biex jilħqu dawk li l-iktar huma mifnija bil-Covid 19, fejn hemm ħafna familji fqar li tilfu x-xogħol u qed imutu bil-ġuħ. Is-saċerdoti jqassmu mhux biss l-ikel bażiku, iżda wkoll għandhom diversi programmi fosthom anki skejjel edukattivi u anki djar tat-tfal biex minflok ma jispiċċaw imorru jaħdmu ta’ bilfors jingħataw l-edukazzjoni u jsostni wkoll lill-familji tagħhom. Fuq kollox dawn il-patrijiet qed iwettqu l-opri tal-ħniena, itma’ lil min hu bil-ġuħ u isqi lil min hu bil-għatx.