Ekonomija u Finanzi
Il-Port Ħieles b’investiment biex kull sena jibdew jgħaddu minnu erba’ miljun kontejner

Il-Port Ħieles ta’ Malta li minnu jgħaddu aktar minn tliet miljun kontejner fis-sena qed jimmira għal erba’ miljun kontejner fis-sena. L-Operations Manager tal-kumpanija Adrian Mallia qal lil TVM li l-Port Ħieles ta’ Malta diġà huwa t-tielet l-ikbar ċentru tat-trasbord tal-kontejners fil-Mediterran.

Wara li s-sena ilu, il-Gvern ġedded għal tletin sena oħra, il-kuntratt tal-Malta Freeport Terminal biex imexxi l-Port Ħieles f’Birżebbugia, il-kumpanija qed tkompli bil-pjani tagħha ta’ investiment u tkattir tan-negozju li jinkwadra fl-istrateġija biex Malta tkun ċentru ta’ loġġistika għal merkanzija internazzjonali.

Adrian Mallia, l-Operations Manager tal-Malta Freeport Terminals spjega li iktar minn 90% tat-traffiku tal-kontejners li jgħaddi mill-Port Ħieles jerġgħu jiġu esportati lejn portijiet barranin. Żied jgħid li t-traġit tal-vapuri tal-merkanzija minn u lejn il-Port Ħieles jilħaq aktar minn 130 port madwar id-dinja. Is-sur Mallia spjega li s-suċċess tal-Port Ħieles bħal kull intrapriża oħra jiddependi fuq l-effiċjenza.

Adrian Mallia qal li “iktar ma aħna kapaċi nkunu effiċjenti apparti li nżommu fil-kompetittività, l-interess tagħna li kemm jista’ jkun il-vapur idum l-inqas ħin possibbli mal-moll. Jekk aħna kapaċi li l-vapur inżommuh mill-inqas ifisser li primarjament ma niddisturbawx il-kumplament tal-iskeda tal-vapur u fl-istess ħin inkunu qed nagħtu servizz li aħna obbligati nagħtu lill-klijent”.

Minn meta l-Port Ħieles ġie privatizzat fl-2004, il-Malta Freeport Terminals, għamlet investiment qawwi li jiżboq l-€250 miljun inkluż fit-teknoloġija u l-krejnijiet ġodda biex tinkiseb l-effiċjenza fl-operat.

“Il-Freeport s’issa rnexxielu jaħdem l-ikbar vapur li hawn jaħdem bħalissa li jġorr fuqu ‘l fuq minn 20,000 kontejner tal-20 pied. Però aħna għandna l-vantaġġ ukoll li aħna l-uniku port fil-Mediterran fejn aħna kapaċi noperaw fuq żewġ vapuri ta’ qisien kbar ta’ ‘l fuq minn 18,000 kontejner fl-istess ħin” qal Mallia.

“Matul il-ġurnata jgħaddu medja ta’ 10,000 TEU kuljum u jekk nitkellmu fuq kontejners qed nitkellmu fuq 6,000 kontejner kuljum ” spjega Mallia. Mistoqsi kemm għaddew vapuri mill-Port Ħieles, Malli qal “qbiżna l-2,400 vapur matul is-sena”.

L-operazzjonijiet kollha tal-ħatt u tgħabija tal-kontejners jiġu kkontrollati minn control room attrezzata bl-aħħar teknoloġija tal-informatika li biha x-xogħol kollu fil-Port Ħieles ikun sorveljat mill-uffiċjali tal-kumpanija.