Kultura
Il-portiku tal-knisja ta’ San Bastjan se jinħatt ġebla ġebla u jinbena mill-ġdid

Il-portiku tal-knisja ta’ San Bastjan fir-Rabat se jkollu jinħatt ġebla ġebla, bix-xogħol irid isir pari passu max-xogħol li qed isir għall-bini mill-ġdid tat-triq ta’ quddiem il-knisja.

Il-portiku, li hu l-parti ta’ quddiem il-faċċata tal-knisja, ilu tliet snin imdawwar bil-ħadid biex ma jkomplix jiġġarraf.

Diversi jagħrfuha minn fuq il-qoxra tal-ktieb ta’ Kilin ‘Fuq l-għajn ta’ San Bastjan’. Din il-knisja fir-Rabat, li tinsab fit-triq li mis-Saqqajja tagħti lejn il-Buskett u Ħad Dingli, illum tinsab moħbija wara struttura tal-ħadid li twaqqfet tliet snin ilu bħala lqugħ għall-portiku u l-pilastri milli jċedu.

L-Arċipriet tar-Rabat, il-Kanonku Louis Suban, qal li l-ħsara tidher li qiegħda fil-portiku, li ilu snin jinbeżaq ‘il barra.

”Fl-2016 qabbadt kumpanija biex jagħmlu monitoring u waqt li kienu qed jagħmlu l-monitoring waqa’ ħafna ġebel dak il-ħin stess u qaluli hemm bżonn isir xi ħaġa. Għamilna dan il-ħadid bħala lqugħ biex ma taqax u ma tkunx ta’ periklu għan-nies.”

Il-Perit Glorianne Camenzuli qalet li l-ħsara ġiet ikkawżata minn diversi elementi. Fost oħrajn, il-volum qawwi ta’ traffiku li jgħaddi mit-triq, waqt li kanali għall-għarar li saru fis-snin sittin setgħu naqqsu mis-saħħa tal-pedament tal-portiku.

”Kien hemm xi corrosion min-naħa tal-gate nnifisha li hija tqila għall-pilastri li hemm bħalissa u bdil li sar fit-toroq viċin ħafna l-istess pilastru.”

Il-Perit qalet li l-pjan hu li l-ħidma ssir b’mod konġunt max-xogħol li għaddej bħalissa fl-infrastruttura ta’ Triq George Borg Olivier.

”L-idea hi li tiżżarma ġebla ġebla, jigu innumerati, preferibbilment jiġu stored fuq il-post u terġa’ titla’ l-istruttura eżatt kif kienet u x-xogħol jinvolvi r-restawr tal-faċċata ukoll.”

Il-knisja nnifisha ddedikata lil San Bastjan, ma jidhirx li għandha problemi strutturali, tant li fiha kuljum tiġi ċċelebrata quddiesa bin-nies jużaw bieb fil-ġenb. L-Arċipriet Suban qal li din hi l-eqdem knisja f’Malta ddedikata lil San Bastjan, tant li l-knisja oriġinali inbniet fl-1477, għalkemm dik tal-lum ġiet modifikata fl-1751 kif jixhed l-istil barokk.

Aħbarijiet Oħra
Lokali

Malta ħadet isem fit-taħriġ ta’ professjonisti fil-liġi marittima internazzjonali permezz ta’ istitut li jopera mill-Universitaà taħt l-awspiċi tal-Organizazzjoni Marittima Internazzjonali, l-IMO, li hi waħda mill-aġenziji speċjalizzati tan-Nazzjonijiet Magħquda. Fi tletin…

Lokali

Għandha l-għeruq fl-Ordni tal-Kavallieri ta’ San Ġwann u hi mnebbħa mill-valuri Kattoliċi fosthom li tkun ta’ servizz għall-oħrajn. Il-missjoni tagħha hi li ssalva l-ħajjiet tan-nies billi tkun minn tal-ewwel biex…

Lokali

Residenti li spiċċaw b’parti mid-dar tagħhom imwaqqa’ fi G’Mangia, qalu li TVM li saħansitra spiċċaw jorqdu barra minħabba l-biża’ li xi ħadd seta’ jispiċċaw jidħol u jisraqilhom oġġetti ta’ valur…

Aktar