Solidarjetà
Il-POU tferraħ lil tifel fil-bżonn li talab lil Santa Klaws jgħinu

Il-Police Officers’ Union irnexxielha tferraħ tifel ta’ familja fil-bżonn, li f’Diċembru li għadda kiteb ittra lil Santa Klaws biex jitolbu jaqtgħalu x-xewqat li kellu.

Fost oħrajn it-tifel talab li missieru ma jibqax iqatta’ daqstant ħin l-isptar minħabba “xi ħaġa ħażina li għandu f’rasu”, u talab li terġa’ tikbirlu xagħru.

It-tifel kellu wkoll xewqat oħra li l-POU ħasset li setgħet tferraħ bihom lilu u lil oħtu, fosthom żarbun u ġugarelli.

Wara li appellat għall-għajnuna tal-pubbliku, illum il-POU ppreżentat is-somma ta’ €1,420 u diversi vouchers u rigali lil din il-familja.

F’messaġġ fuq il-midja soċjali l-POU rringrazzjat lill-poplu tal-ġenerożità kbira li wera u lill-Korp tal-Pulizija; speċjalment lill-Kummissarju Angelo Gafa u s-sezzjoni tal-klieb.

Intqal li dawn tal-aħħar laqgħu lil din il-familja u għamlulhom show bil-klieb u diversi attivitajiet oħra, fejn ukoll ġabru xi flus u kellhom diversi rigali ghalihom.

Ara wkoll:

Il-POU tappella lill-pubbliku għall-għajnuna wara li tifel fil-bżonn urihom ittra li kiteb lil Santa Klaws…