Knisja Maltija
Il-preċetti u l-griżma se jsiru fis-sajf: ippubblikati linji gwida kif isiru dawn iċ-ċelebrazzjonijiet

Is-sagramenti tal-Ewwel Tqarbina u l-Griżma tal-Isqof se jsiru fit-tliet xhur li ġejjin.

Il-Knisja ppubblikat linji gwida dwar kif għandhom isiru dawn iċ-ċelebrazzjonijiet waqt li jittieħdu l-miżuri ta’ prevenzjoni għat-tixrid tal-imxija tal-Covid-19. Fid-dokument jingħad li l-Arċisqof jixtieq li din is-sena l-Preċetti u l-Griżma jsiru fis-Sajf minħabba l-possibiltà li wara Settembru jerġa’ jkun hemm il-bżonn ta’ restrizzjonijiet minħabba il-pandemija.

Minflok l-istaġun tal-festi, is-sajf 2020 se jkun ittimbrat bħala l-istaġun tal-preċetti u l-griżma. Minn tmiem il-ġimgħa d-dieħla, il-parroċċi huma mħeġġa jorganiżżaw iċ-ċelebrazzjoni tas-sagramenti sa qabel jintemm is-sajf.

Skont linji gwida maħruġa mill-Knisja f’Malta, id-dati għal dawn iċ-ċelebrazzjonijiet tħallew f’idejn kull parroċċa. Biċ-ċentri tad-duttrina magħluqa, il-Kurja qalet li tkun ħaġa sabiħa li l-parroċċi jsibu modi kreattivi, fosthom b’mezzi virtwali biex jagħmlu l-aħħar tħejjija għal dawn is-sagramenti. Żiedet tgħid ġenituri li jħossu li wliedhom mhumiex preparati biex jirċievu s-sagrament jistgħu jagħżlu li jirċevuh is-sena d-dieħla jew f’xi parroċċa oħra, jew skont arranġament li jagħmlu mal-arċipriet jew kappillan.

Ġie suġġerit li kull min jattendi għaċ-ċelebrazzjoni ikollu ilbies sempliċi u dinjituż u mhux bilfors ikun ilbies li tradizzjonalment jintuża f’dawn l-okkazzjonijiet. Għaċ-ċelebrazzjonijiet tal-ewwel tqarbina, il-ġenituri u wliedhom se jkunu bilqiegħda flimkien, b’distanza minn familji oħra, u mhux se jkun meħtieġ li jilbsu maskra. Fil-każ tal-Griżma tal-Isqof, l-adoloxxenti li se jirċievu is-sagrament u l-parrini se joqgħodu f’post riżervat għalihom.

Ħadd ma jista joħroġ minn postu fil-knisja, bħal biex jittieħedu ritratti jew filmat għalkemm dan is-servizz ser jingħata minn fotografu li jitqabbad mill-parroċċa. Ġie rrimarkat li għandu jiġi evitat li jittieħdu ritratti ta’ gruppi ta’ tfal.

Id-dilka taż-żejt fil-Griżma tal-Isqof se ssir bl-użu ta’ tajjara differenti għal kull persuna biex iċ-ċelebrant ma jmissx lill-adoloxxenti b’subajgħ. It-tajjar għandu jinħaraq u mhux permess li jittieħed mill-adoloxxenti li jkunu għamlu l-Griżma. It-tqarbin f’dawn iċ-ċelebrazzjonijiet għandu jsir fil-post biex ma tiġix iffurmata purċissjoni. Fil-każ tal-ewwel tqarbina, is-saċerdot iqarben biss lit-tfal, bit-tqarbin l-ieħor isir minn saċerdoti jew ministri tat-tqarbin oħra.

Dawn il-miżuri tħabbru waqt li ġew aġġornati id-direttivi maħruġa mill-Kurja għal waqt iċ-ċelebrazzjoni tal-quddiesa. Fost oħrajn, issa hu permess li anzjani u nies vulnerabbli joffru l-ħin tagħhom biex jgħinu lill-knejjes, fosthom biex jieħdu t-temperatura ta’ kull min jidħol fil-knisja. M’għadx hemm l-obbligu li dawk li jgħinu fuq l-artal irid ikollhom aktar minn 16-il sena, il-ħasil tal-knisja mhux obbligat li jsir kuljum iżda issa b’mod regolari. Il-magħmudijiet mhux bilfors iridu jsiru b’mod individwali kif kien obligat li jsir qabel. Filwaqt li persuni vulnerabbli u anzjani baqgħu mħeġġa jsegwu ċelebrazzjonijiet b’mod virtwali inkluż fuq it-television, familji żgħażagħ huma mħeġġa jattendu il-quddies nhar ta’ Ħadd.

Tista’ tara l-linji gwida hawn.