COVID-19
ARA: Il-President jappella għar-responsabbiltà tal-poplu

F’messaġġ lin-nazzjon il-President George Vella saħaq għas-sens ta’ responsabbiltà biex ikunu segwiti d-direttivi tal-awtoritajiet tas-saħħa mingħajr eċċezzjoni.

“Jekk nonqsu minn dan, inkunu qed nesponu mhux biss lilna nfusna u lil qrabatna, iżda anki lill-komunità kollha,”sostna l-President.

Dr Vella wassal messaġġ ta’ kuraġġ lill-pazjenti milquta minn dan il-virus u assigurahom li qed jirċievu kura mill-aqwa. Wera wkoll l-apprezzament lill-ħaddiema kollha fost dawk fis-settur tas-saħħa li b’sagrifiċċji kbar u b’riskju personali qed iduru bil-pazjenti. Huwa radd ħajr lill-awtoritajiet li qed jieħdu ħsieb iżommuna infurmati ta’ kuljum u b’mod regolari, dwar l-iżviluppi u l-miżuri li qed jittieħdu.

“F’dawn iċ-ċirkostanzi, fejn qed niġġieldu kontra għadu li ma jidhirx, l-informazzjoni hija għodda fundamentali.”

Il-President indirizza ukoll lill-qraba tal-anzjani u dawk li huma aktar vulnerabbli minn oħrajn, li forsi daż-żmien iktar minn qatt qabel qed iħossuhom mitlufin u mifxulin.”Hemm ħafna mezzi kif min huwa iżolat infakkruh li mhuwiex minsi.”

Il-President tkellem ukoll dwar ir-reperkussjoni ta’ din il-pandemija fuq l-oqsma ekonomiċi u soċjali u kif iċ-ċirkostanzi jitolbu li niċċaħħdu minn attivitajiet li jsiru tal-kuljum.”Din iċ-ċaħda taf twassal għal solitudni u forsi anki iżolament, iżda hija waħda bżonnjuża u ma rridux inċedu.”

Il-President appella biex minfok isir użu akbar mil-mezzi teknoloġiċi biex jinżamm il-kuntatt. Fl-aħħarnett, il-President Vella waqt li appella għall-għaqda u t-tama qal li l-Maltin kienu kapaċi jirpiljaw. “Fuq kollox bl-għajnuna t’Alla, ninstab ċert li ser nerġgħu nsibu saqajna u nkomplu fejn ħallejna.”