Lokali
Il-President fil-Kroazja: impenn biex Malta jkollha l-aqwa relazzjonijiet mal-pajjiżi kollha

Il-President George Vella jinsab il-Kroazja għal żjara statali fuq stedina tal-President ta’ dan il-pajjiż fil-punent tal-Balkani, iżda wkoll fil-Mediterran u l-aktar wieħed novell fl-Unjoni Ewropea.  Mal-wasla fil-kapitali Zagreb, Dr Vella stqarr li din iż-żjara hi parti minn ħidmet il-presidenza biex Malta żżomm l-aqwa relazzjonijiet mal-pajjiżi kollha. Mal-Kroazja, il-President jara lok fejn jikbru r-relazzjonijiet kummerċjali.

Mal-wasla fl-ajruport ta’ Zagreb, il-President ta’ Malta u s-Sinjura Vella ntlaqgħu minn rappreżentanti tal-Uffiċċju tal-President u l-Ministeru tal-Affarijiet Barranin Kroat.  L-impenji uffiċċjali ta’ din iż-żjara jibdew l-Erbgħa filgħodu b’taħdidiet bejn il-Kap tal-Istat Malti u l-President Kroat, Zoran Milanovic.

“Il-Kroazja hu pajjiż li dħalna fl-EU fl-2013.  Hemm ċertu stabilità u diġà kellna kuntatti miegħu qabel.  Li hemm bżonn hu li kemm jista’ jkun wieħed itambar biex kemm jista’ jkun inkabbru r-relazzjonijiet kummerċjali li għandna bejnietna u hemm diversi oqsma li fuqhom wieħed jista’ jitkellem halli jkun jista’ jiżviluppahom. ”

Se jiġu diskussi wkoll sfidi li huma komuni anke jekk b’realtajiet differenti bħall-immigrazzjoni, it-tibdil fil-klima, u t-tniġġiż tal-arja u l-baħar.  Il-President qal li fejn hu possibbli l-pajjiżi għandhom joffru l-id tal-ħbiberija lil xulxin u jaħdmu flimkien bejniethom, u anke fuq livell usa’ bħall-Unjoni Ewropea u n-Nazzjonijiet Magħquda.  Saħaq li dan hu l-ispirtu tal-hekk imsejjaħ multilateraliżmu.

Bil-Kroazja hi l-uniku pajjiż fil-punent tal-Balkani membru tal-Unjoni Ewropea, Malta tappoġġja li dan il-grupp ta’ pajjiżi għandhom ikunu msieħba lkoll fil-blokk Ewropew.

“Huma grupp ta’ pajjiżi importanti ħafna għall-Unjoni Ewropea u għadha kemm għamlet konferenzi dwar il-futur tagħhom għaliex kulħadd qed jiddikjara li dan il-grupp ta’ pajjiżi postu hu fl-UE u qabel jidħlu kollha kemm huma, bid-diffikutlajiet li hemm għax mhux faċli, imma qabel jidħlu kollu kemm huma l-Ewropa ma tkunx kompluta.”

 It-taħdidiet li l-President George Vella ser ikollu fil-Kroazja mistennija jkomplu jibnu fuq dak diskuss f’laqgħa bilaterali li ż-żewġ Presidenti kellhom ix-xahar li għadda f’Ruma meta ltaqgħu għall-Grupp Arrailos li jiġbor flimkien Presidenti mhux eżekuttivi ta’ pajjiżi fl-Unjoni Ewropea.

B’popolazzjoni li taqbeż l-erba’ miljun persuna, il-Kroazja tinsab f’salib it-toroq bejn iċ-ċentru u x-xlokk tal-Ewropa.  Il-fruntieri tagħha jmissu mas-Slovenja, l-Ungerija, is-Serbja, il-Bosnja Jerzegovina, il-Montenegro u għandha kilometri ta’ kosta li tagħti għal fuq l-Adrijatiku, fil-Mediterran.