Lokali
Il-President f’taħditiet uffiċjali mal-President tal-Ġermanja

Il-President George Vella llum beda żjara uffiċjali fil-kapitali Ġermaniża Berlin.

F’laqgħa mal-President tal-Germanja Frank-Walter Steinmeier, ġew diskussi r-relazzjonijiet b’saħħithom bejn iż-żewg pajjiżi u kif jistgħu ikomplu jaħdmu flimkien fuq kwistjonijiet oħra li jolqtu kemm lill-blokk Ewropew u anke lil hinn.

Ir-rabtiet bejn Malta u l-Ġermanja mhumiex komuni biss għax huma t-tnejn membri fl-Unjoni Ewropea. Imma r-relazzjoni bejniethom minn qabel, kompliet tissaħħaħ mas-snin. Il-qrubija bejn dawn iż-żewg pajjiżi kienet fuq l-aġenda f’laqgħa bejn il-President George Vella u l-President tal-Ġermanja Frank-Walter Steinmeier fil-Palazz Presidenzjali Bellevue ‘Berlin,

F’temp sabiħ tal-ħarifa, l-isfond ta’ dan il-Palazz fil-qalba tal-kapitali Ġermaniża, kien perfett biex iż-żewg Presidenti jiddiskutu mhux biss ir-relazzjonijiet bilaterali bejniethom imma anke kwistjonijiet oħra kemm fil-blokk Ewropew u anke lil hinn.

“Sibna ħin biex nitkellmu fuq il-problemi li qed tiffaċċja l-Ewropa, l-isfidi li għandha, dak li jidher li se jinkwetaha fis-snin li ġejjin u anke mbagħad l-problemi li hemm lil hinn mill-blokk Ewropew u jaffettwawha xorta – bhall-Mediterran, bħall- Ukrajna, il-Lvant Nofsani – dawn huma affarijiet li ddiskutejniehom kollha u hemm ħafna politika li naqblu fuqha”, qal il-President.

Brandenburg Gate fil-qalba ta’ Berlin tista’ tgħid li ġġarrfet għalkollox fil-blitz mill-għadu fl-aħħar gwerra. U din tal-lum li reġgħet inbniet hija s-simbolu tal-Ġermanja li reġgħet qamet mit-tifrik.

Hawnhekk il-President u s-Sinjura Vella intlaqgħu minn Michael Muller, sindku tal-belt li iktar tard iddiskuta r-relazzjonijiet bejn Berlin u Malta mal-President Vella.

“Miegħu ddiskutejna mbagħad iktar fuq dawk li huma relazzjonijiet fuq livell mhux politiku biss, imma anke bejn pajjiż u ieħor u l-possibbiltajiet li toffri Berlin bħala belt, li hija kalamità għaż-żgħażagħ, għal min irid javvanza fl-arti u l-kultura u dawn l-affarijiet kollha. Hija xi ħaġa interessanti immense”, qal il-President.

Iż-żjara uffiċjali tad-delegazzjoni Maltija mmexxija mill-President Vella f’Berlin qed issir f’ġimgħa impenjattiva għall-Ġermanja bl-elettorat ta’ dan il-pajjiż ta’ tmenin miljun ruħ huwa msejjaħ jivvota fl-elezzjoni federali tal-Ħadd li ġej.