Lokali
Il-President George Vella bi 3 laqgħat f’Għawdex dwar l-impatt tal-pandemija


Il-President George Vella ltaqa’ mal-Bord tal-Amministraturi tal-Awtorità Reġjonali għall-Iżvilupp ta’ Għawdex, li għadha kif twaqqfet.

Din kienet waħda minn sensiela ta’ impenji li Dr Abela kellu fi żjara f’Għawdex li matulha sema’ dak li għaddew u għaddejjin minnu kumpaniji u residenti Għawdxin minħabba l-pandemija tal-Covid-19.

F’Għawdex, il-President tar-Repubblika segwa mill-qrib ħidmet kumpanija fis-servizzi finanzjarji u oħra fil-qasam tal-manifattura.

Fi żjara lill-kumpanija tas-servizzi finanzjarji Michael Grech, il-President George Vella ltaqa’ mal-bord tad-diretturi u mal-ħaddiema. Waqt din iż-żjara ġew diskussi l-isfidi li laqtu lil din l-industrija fl-aħħar xhur u ċerti soluzzjonijiet proposti f’kollaborazzjoni mal-awtoritajiet governattivi u dawk regolatorji.

Il-President żar ukoll il-kumpanija FXB fiż-żona industrijali tax-Xewkija. Hawnhekk hu tkellem dwar l-importanza tal-ħaddiem f’kull settur u wera l-apprezzament tiegħu għad-determinazzjoni tal-ħaddiema biex jinstabu soluzzjonijiet konkreti u kreattivi għat-taħbit li ġabet magħha l-pandemija.

L-aħħar laqgħa saret mal-membri tal-bord tal-Awtorità Reġjonali għall-Iżvilupp t’Għawdex. Matul din il-laqgħa ġie ppreżentat id-dokument ta’ konsultazzjoni dwar l-istrateġija t’Għawdex.

“Kienu tliet laqgħat interessanti għax tisma’ dwar l-isfidi u anke l-opportunitajiet li jiffaċċjaw magħhom dawn l-azjendi kull wieħed fis-settur tiegħu. Mil-lat finanzjarju mod, mil-lat ta’ produzzjoni mod ieħor u mbagħad iktar u iktar l-ideat u s-sistemi li beħsiebhom jaħdmu fuqhom l-Awtorità tal-Iżvilupp Reġjonali t’Għawdex biex wieħed jagħmel żvilupp ħolistiku ta’ din il-gżira. Wieħed irid jara wkoll li hemm ċertu opportunitajiet li flimkien dawn iridu jiġu magħġuna ħalli jkun hemm programm t’azzjoni li jara li din il-gżira tmur mit-tajjeb għall-aħjar.”

Il-President George Vella saħaq fuq l-importanza tad-djalogu u l-konsultazzjoni mifruxa u inklussiva bl-għan li tiġi żgurata kwalità ta’ ħajja aħjar għal kulħadd.