Unjoni Ewropea
Il-President George Vella dwar l-identità Ewropea u kif iħares lejn il-futur tal-Unjoni

Il-President ta’ Malta George Vella qal li għad fadal ferm x’isir biex l-Unjoni Ewropea tattwa l-prinċipju tas-solidarjetà fil-prattika fost il-pajjiżi membri biex jaqsmu l-piż tal-immigrazzjoni. Waqt diskussjoni pubblika fl-għeluq ta’ ġimgħa ta’ attivitajiet organizzati mill-MEUSAC bit-tema “Nagħmlu l-Unjoni Ewropea aktar aċċessibbli għalik” Dr Vella wassal il-perspettivi tiegħu dwar l-identità Ewropea u kif iħares lejn il-futur tal-Unjoni.

Meta kien qed jieħu sehem f’diskussjoni pubblika organizzata mill-MEUSAC dwar temi marbuta ma’ Malta u l-Unjoni Ewropea, il-President George Vella qal li l-Ewropa tinsab fi stadju delikat iżda wera fiduċja li l-għaqda fid-diversità fost il-pajjiżi u l-kulturi Ewropej, hu kunċett li se jegħleb id-diffikultajiet u l-isfidi.

Waqt li wieġeb domandi dwar il-multikulturaliżmu u d-diversità Ewropea, l-ekonomija, l-immigrazzjoni, il-bidla fil-klima, il-pandemija, is-sigurtà u l-paċi, u l-irwol tas-soċjetà ċivili, il-President Vella qal li jemmen bis-sħiħ fil-kunċett ta’ proġett Ewropew li joffri aspirazzjonijiet għal futur aħjar.

”L-Ewropa qed narawha li qed issir iktar konxja soċjalment ui qed titratta suġġetti li mhumiex biss l-ekonomija u d-difiża imma qed titkellem fuq is-saħħa, qed titkellem fuq id-drittijiet soċjali, qed titkellem fuq l-ambjent li lkoll jolqtu s-saħħa tal-individwu.”

Dr Vella kien kawt dwar l-immigrazzjoni. Qal li din il-kwistjoni għadha toħloq inġustizzji ma’ pajjiżi bħal Malta li qed jiffaċċjaw il-piż tat-traffikar illegali fil-Mediterran mingħajr il-wens ta’ pajjiżi li huma ikbar u jifilħu ferm iżjed minn Malta. Sostna li minkejja li l-patt tal-immigrazzjoni huwa żvilupp fid-direzzjoni t-tajba, għad fadal ferm x’isir biex l-Unjoni Ewropea tpoġġi tassew fil-prattika l-prinċipju tas-solidarjetà.

”Ma nemminx li dan il-patt huwa xi soluzzjoni għall-immigrazzjoni lanqas se jsolvi s-sitwazzjoni kif inhi llum u għad irid jiġi diskuss u diskuss bis-serjetà biex wieħed jara kif jimplimentah imma mhuwiex is-soluzzjoni li wieħed jistenna.”

Dwar il-qagħda fil-Libja, il-President Vella qal li jemmen li l-Unjoni Ewropea tista’ teżerċita soluzzjonijiet iżjed diplomatiċi li jwasslu biex kwistjonijiet ikunu riżolti b’mod paċifiku. Qal li Malta tibqa’ kommessa biex bħala l-iżgħar pajjiż tal-Unjoni Ewropea tkompli sservi bħala pont bejn l-Ewropa u l-Afrika u tagħti sehem importanti fl-isforzi għall-paċi u s-sigurtà fil-Mediterran.