Politika
Il-President George Vella jwissi dwar il-populiżmu

Tintemm iż-żjara tal-President George Vella fil-Ġermanja bl-aħħar impenn ikun diskors f’attività organizzata mill-Ambaxxata ta’ Malta biex tfakkar is-57 anniversarju tal-Indipendenza ta’ Malta.

Il-President wera tħassib dwar il-populiżmu li qal ma nistgħux inħalluh jifridna u sejjaħ għall-għaqda bejn pajjiżi u popli biex jinstabu soluzzjonijiet li jirrispettaw id-dinjità tal-bniedem u jiżguraw is-sigurtà u l-protezzjoni ta’ kull pajjiż.

Jum Malta fl-isfond tas-57 sena mill-indipendenza ta’ Malta ġie ċċelebrat mill-ambaxxata Maltija f’Berlin waqt iż-żjara uffiċjali tal-President ta’ Malta George Vella fil-kapitali Ġermaniża.

Mitt sena mill-kostituzzjoni tal-1921, il-President ta’ Malta George Vella f’Jum Malta 2021 iddeskriva dawn il-100 sena bħala mixja li matulha Malta kibret kemm politikament u anke demografikament.

Huwa qal li fil-preżent għaddejja ħidma fuq il-Konvenzjoni Kostituzzjonali biex dik li għandna llum tirrifletti aħjar il-ħtiġijiet tal-preżent u l-futur.

“At the core are the people themselves. In setting up this foundation I have the citizens in mind. It was created for them, and they are the ones that will contribute towards and gain from its growth and vision”.

Huwa tkellem ukoll dwar ir-relazzjoni b’saħħithom bejn Malta u l-Ġermanja u l-ħidma li jagħmlu id f’id li minnha jgawdu ċ-ċittadini taż-żewġ pajjiżi.

Il-President Vellaqal li dan kien rifless anke fil-qrubija li ż-żewg pajjiżi kellhom waqt l-imxija tal-Covid-19 u sostna li ħidma komuni u fuq front wieħed hija garanzija li jintlaħaq l-għan li l-pajjiżi jaħdmu għalih.

“The success of a country is not measured only by the contentedness and wealth of its people. It is also measured by the number of lasting friendships it has forged over the years. You will agree that this is certainly the case for Malta and Germany”.

Quddiem udjenza, fost oħrajn, ta’ ambaxxaturi u eks ambaxxaturi ta’ pajjiżi Ewropej, il-President ta’ Malta irrifletta wkoll fuq il-populiżmu u wissa li ħadd m’għandu iħallih jiġri bih.

“We cannot allow populism to divide us. We cannot allow the language of fear to prevail. We can all come together with our differences and find solutions that respect human dignity and ensure the security and protection for every country”.

Iċċelebrata f’lukanda ewlenija fil-qalba ta’ Berlin, Jum Malta tat ukoll spazju lill-tliet artisti Maltin biex itellgħu wirja bix-xogħlijiet tagħhom.

L-artisti Maltin Josanne Mifsud Pikutzi, Tiziana Galea Schembri, Daniel Borg u Alexandra Aquilina huma membri tal-komunità Maltija li tgħix il-Ġermanja.