Politika
Il-President iddeċieda li Adrian Delia m’għandux jitneħħa minn Kap tal-Oppożizzjoni

Il-President tar-Repubblika George Vella ħabbar li Adrian Delia għandu jibqa’ Kap tal-Oppożizzjoni ħalli dan ir-rwol ma jibqax vakanti.

Dr Vella kkonkluda li anki jekk Dr Delia tilef l-appoġġ tal-akbar grupp singlu ta’ membri parlamentari f’oppożizzjoni għall-Gvern, għadu jgawdi l-pożizzjoni ta’ Kap tal-akbar partit fl-Oppożizzjoni.

Fi stqarrija twila Dr Vella spejga kif wasal għal din id-deċiżjoni wara laqgħat mad-deputati Nazzjonalisti u wara konsultazzjoni ma’ esperti legali u kostituzzjonali.

Fil-laqgħat li kellu mad-deputati l-President ikkonferma l-vot li ttieħed fid-Dar Ċentrali

Il-President qal li żewġ membri tal-Oppożizzjoni, li qalu li kienu qegħdin jirrappreżentaw lill-sħabhom li ma kienx għad għandhom aktar fiduċja fil-Kap tal-Oppożizzjoni Adrian Delia, qalulu li skont il-Kostituzzjoni, dan kellu jitneħħa minn Kap tal-Oppożizzjoni.

Dr Vella qal li infurmawh ukoll li dawn l-istess membri kienu wrew fiduċja f’Dr Therese Commodini Cachia, u kienu qegħdin iressqu isimha biex tiġi kkunsidrata biex tieħu l-ħatra ta’ Kap tal-Oppożizzjoni flok Dr Delia.

“Jien immedjatament żammejt laqgħa ma’ Adrian Delia, u wara li smajt il-fehmiet u l-opinjonijiet tiegħu, infurmajtu li kont se nagħmel sensiela ta’ konsultazzjonijiet personali mal-Membri Parlamentari kollha tal-Oppożizzjoni, biex jiġu stabbiliti l-fatti,” qal il-President.

Żied li f’dawn il-laqgħat kull membru parlamentari fl-Oppożizzjoni, minbarra li ngħata ċ-ċans biex jesprimi l-opinjoni tiegħu, infurmah jekk kellux fiduċja f’Adrian Delia biex jibqa’ l-Kap tal-Oppożizzjoni, u jekk riedx lil Therese Commodini Cachia tieħu din il-kariga Kostituzzjonali.

Qal li minn dan l-eżerċizzju rriżulta li mit-28 Membru Parlamentari tal-Oppożizzjoni, 16 iddikjaraw li m’għadx għandhom fiduċja f’Dr Adrian Delia bħala Kap tal-Oppożizzjoni, waqt li 11 il-Membru ddikjaraw li għandhom fiduċja f’Dr Delia. Kien hemm membru parlamentari wieħed li stqarr li ried jastjeni.

Il-President jgħid li s-sitwazzjoni toħloq imblokk legali u Kostituzzjonali

Il-President Vella elenka diversi artikli u subartikli tal-Kostituzzjoni, li l-ewwel u qabel kollox tagħmilha ċara li jrid ikun hemm Kap tal-Oppożizzjoni.

Dr Vella kkwota wkoll subartiklu tal-Kostituzzjoni li jgħid li l-irwol ta’ Kap tal-Oppożizzjoni għandu jingħata lill-Kap tal-Partit li jkollu l-akbar forza numerika ta’ membri fl-Oppożizzjoni, u jispeċifika li dan japplika kull meta jkun hemm lok għal ħatra ta’ Kap tal-Oppożizzjoni.

Qal li hu żgur li fil-każ preżenti, jekk jiġi deċiż li l-Kap tal-Oppożizzjoni preżenti jiġi mneħħi mill-kariga, minkejja li jkun għadu fil-fatt Kap tal-Partit tiegħu, ikun diffiċli, jekk mhux impossibbli, għalih li jużufruwixxi minn dan il-provvediment.

Żied li l-kunsiderazzjoni li xi ħadd ieħor, f’dan il-każ membru li jkun sar il-Kap fil-Kamra tal-Partit tal-Oppożizzjoni li jkollu l-akbar forza fil-Kamra, imma li ma jkunx il-Kap tal-Partit tal-Oppożizzjoni, issib diffikultajiet. “Jidher ċar li din is-sitwazzjoni toħloq imblokk legali u kostituzzjonali.”

Qal li jekk jiġi deċiż li l-ħatra tal-Kap tal-Oppożizzjoni preżenti tiġi mħassra, imma ma jkunx possibbli li dan ir-rwol kostituzzjonali jiġi mimli skont il-liġi, jirriżulta f’sitwazzjoni fejn ma jkunx hemm Kap tal-Oppożizzjoni.

Stqarr li d-dillema qiegħda bejn li wieħed jimxi mal-kelma tal-Kostituzzjoni u joħloq sitwazzjoni li tmur kontra l-Kostituzzjoni, jew li jikkunsidra s-sitwazzjoni preżenti bħala waħda speċjali u jadotta miżuri speċjali.

Il-President jittama li jkun hemm żviluppi li jiċċaraw aħjar is-sitwazzjoni

Wara li spjega l-argumenti legali u kostituzzjonali li wassluh għad-deċiżjoni tiegħu biex Dr Delia jibqa’ jżomm postu, Dr Vella qal li żamm ukoll f’moħħu li kwalunkwe deċiżjoni finali li jasal għaliha għandha tkun tirrispetta l-ħarsien tal-andament demokratiku u l-ambjent seren li wieħed irid jara jirrenja fil-Parlament u fil-pajjiż.

Qal li s-sitwazzjoni li nħolqot bit-talba lill-President hija bla preċedent. “Wieħed jawspika li jittieħdu miżuri, u jseħħu żviluppi li jgħinu biex tiċċara aktar is-sitwazzjoni,” qal il-President.

Dr Vella stqarr li każi speċjali bħal dan jimmeritaw trattament speċjali fejn jista’ jiġi invokat il-Prinċipju ta’ Neċessità, u għalhekk iħoss li jkun ġustifikat li wieħed ma jżommx mal-kelma miktuba tal-Kostituzzjoni.

Ara wkoll:

Adrian Delia jgħid li d-deċiżjoni tal-President dwar il-kariga tiegħu għandha tkun rispettata

Deputati tal-PN jgħidu li l-President kellu d-dover li jneħħi lil Dr Delia

Aħbarijiet Oħra
Lokali

Melvin Theuma, l-intermedjarju fil-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia, baqa’ f’qagħda stabbli. Fi stqarrija l-Pulizija qalet li Theuma għadu fit-taqsima tal-ENT fl-isptar Mater Dei. It-Tlieta 21 ta’ Lulju 2020, Theuma nstab…

COVID-19

L-organizzaturi tal-attivitajiet li jinqabdu jiksru r-regoli tal-miżuri mħabbra mill-Awtoritajiet tas-Saħħa biex iwaqqfu l-imxija tal-Covid-19 jistgħu jeħlu multa ta’ €3,000 għal kull miżura li jiksru. Dan tħabbar illum f’avviż legali ppubblikat…

Lokali

Dr Lydia Abela, il-mara tal-Prim Ministru, ippreżentat total ta’ €8,000 f’donazzjonijiet li nġabru waqt l-ewwel edizzjoni ta’ ‘A Night at the Palace’, lill-għaqdiet li jaħdmu favur id-drittijiet tal-annimali. Waqt li…

Agrikultura

L-istaġun tal-ħsad tal-għeneb għall-għasir infetaħ mill-Ministru għall-Agrikoltura Anton Refalo, fil-preżenza tal-produtturi tal-inbid Malti. Il-Ministru qal li l-inbid Malti huwa wieħed ta’ kwalità għax l-industrija aġġornat maż-żminijiet. Id-Direttur tad-Direttorat tal-Agrikoltura Saviour…

Aktar