Politika
Il-President iħeġġeġ lill-konsli onorarji biex iwasslu r-realtà tal-pajjiż

Fil-bdil tal-awguri ta’ sena ġdida mal-Konsli Onorarji, il-President George Vella ħeġġeġ lill-konsli onorarji biex iwasslu r-realtà tal-pajjiż u li Malta qegħda taħdem biex iġġib lura n-normalità wara s-sitwazzjonijiet turbulenti li kellha fl-aħħar xhur tas-sena li għaddiet.

Il-President George Vella laqqa’ lill-konsli onorarji fil-Palazz ta’ San Anton għall-iskambju tal-awguri għas-sena l-ġdida. Il-President Vella qal li l-aħħar ftit xhur tas-sena li ntemmet ma kienu xejn sbieħ għall-pajjiż, għax qal li Malta għaddiet minn sitwazzjoni bla preċedent li heżżet l-istituzzjonijiet u ħasdet lis-soċjetà tagħna. Qal li b’dispjaċir jinnota l-effetti negattivi li dawn l-avvenimenti ġabu, anke fil-qasam internazzjonali. Sostna li isem Malta ttebba’ u konsegwenza ta’ hekk anke l-kredibbiltà tal-pajjiż ħadet daqqa ’l isfel.

Il-President qal li fil-kariga tiegħu bħala President ħadem fil-parametri li tippermettilu l-Kostituzzjoni, biex jiġu indirizzati ċ-ċirkostanzi li kien għaddej minnhom il-pajjiż. Dr Vella qal li l-għaqda nazzjonali hi essenzjali għall-pajjiż. Il-President qal li bil-Prim Ministru ġdid, Robert Abela, il-pajjiż għandu l-obbligu li jsaħħaħ il-ħidma biex isem Malta jitnaddaf. Il-President Vella qal li l-għajnuna u l-ħdima tal-konsli onorarji hi essenzjali biex titħassar ix-xejra negattiva u Malta tikseb lura r-rispett.

“L-appell tiegħi kien indirizzat lejhom biex huma jwasslu kemm jista’ jkun ir-realtà li hawn f’dal-pajjiż li kif smajtu dalgħodu tlabthom biex kemm jista’ jkun jindikaw li Malta għad għandha ħafna x’toffri u li qegħdin fil-proċess li nġibu l-affarijiet lura lejn in-normalità kemm jista’ jkun.”

Il-President Vella tkellem ukoll fuq it-tensjonijiet fil-Libja u fis-Sirja u s-sitwazzjoni umanitarju gravi fil-Jemen u l-eskalazzjoni bejn l-Iran u l-Istati Uniti. Qal li jinnota b’dispjaċir li f’dan ix-xenarju internazzjonali, l-Unjoni Ewropea mhix turi l-għaqda u qal li hemm bżonn li dan jitranġa.

L-Unjoni Ewropea sfortunatament ippruvat lilha nnifisha li hija dgħajfa f’dil-kwistjoni kollha fejn tidħol il-Libja, is-Sirja, il-Jemen, huma affarijiet li wieħed kien ikun ħafna iktar kuntent kieku jkun jara ċertu leadership min-naħa tal-Ewropa.

Id-dekan tal-korp tal-konsli onorarji, Godwin Bencini, qal li l-pajjiż jinsab għaddej minn wieħed mill-mumenti l-iktar turbolenti fl-istorja tiegħu. Stqarr li l-korp tal-konsli onoraji nnota d-diskorsi tal-President Vella għall-impenn ta’ għaqda. Is-sur Bencini qal li bħala korp jinsabu ċerti li bil-bżulija u s-solidarjetà tiegħu, il-President Vella jista’ jwassal għall-għaqda nazzjonali. Żied jgħid li wieħed irid joqgħod attent mill-progress ekonomiku u żvilupp bla rażan biex dawn ma jispiċċawx joħolqu firda u inugwaljanzi minħabba l-faqar.

Aħbarijiet Oħra
COVID-19

Illum tħabbar 14-il każ ġdid ta’ Covid-19 f’Malta, biex issa n-numru totali ta’ persuni ttestjati pożittivi għall-virus f’Malta tela’ għal 241. Is-Supertendent tas-Saħħa Pubblika, il-Professur Charmaine Gauci, qalet li l-każijiet…

COVID-19

It-Tabib Frank Portelli ħabbar li mietet oħtu Rosalie kawza tal-Covid-19. Huwa kien qal f’filmat li tella’ onlajn ilbieraħ li oħtu kienet qed tissielet għal ħajjitha fi sptar fl-Ingilterra. Huwa għamel…

COVID-19

Global payments ħabbret li qed tgħolli l-limitu ta’ pagament b’contactless card, bil-għan li wieħed ma jkollux bżonn idaħħal in-numru tal-pin. Il-kumpanija qalet li b’hekk se jitnaqqas il-kuntatt tal-idejn tal-klijenti mal-point…

COVID-19

TVM jista’ jiżvela li raġel Malti li jaħdem fil-fabbrika Playmobil ittestja pożittiv għall-Covid-19 nhar is-Sibt li għadda, wara li l-Ġimgħa kien daħal għax-xogħol. F’memo intern mibgħut lill-impjegati kollha, it-tmexxija tal-kumpanija…

Aktar