Politika
Il-President ikompli jiltaqa’ ma’ aktar deputati Nazzjonalisti

Il-President George Vella kompla jiltaqa’ mad-deputati eletti f’isem il-Partit Nazzjonalista biex jara kif ser iħoll is-sitwazzjoni li nħolqot wara li l-maġġoranza tal-Grupp Parlamentari Nazzjonalista approva mozzjoni ta’ sfiduċja f’Dr Adrian Delia bħala Kap tal-Oppożizzjoni. Fosthom laqa’ fil-palazz lil Dr Therese Comodini Cachia li l-maġġoranza tad-deputati Nazzjonalisti innominawha biex tinħatar minflok Dr Delia. Waqt li Dr Delia kompla juża l-midja tal-Partit Nazzjonalista biex isostni l-pożizzjoni tiegħu, id-deputati li sfiduċjawh fi stqarrija qalu li kull ġurnata li jibqa’ fil-kariga, tfisser ħsara lill-Partit Nazzjonalista u lill-pajjiż.

Il-President George Vella għamel ġurnata jiltaqa’ ma’ aktar deputati eletti f’isem il-Partit Nazzjonalista qabel jieħu deċiżjoni dwar il-kariga ta’ Kap tal-Oppożizzjoni skont kif inhu ggwidat mill-kostituzzjoni.

Fl-isfond ta’ dawn il-laqgħat u riżultat tal-vot ta’ sfiduċja mill-maġġoranza tad-deputati fil-grupp parlamentari Nazzjonalista, il-President Vella irid jiddeċiedi jekk hux se jneħħi lil Dr Adrian Delia mill-kariga ta’ Kap tal-Oppożizzjoni u jaħtar lil xi ħadd minfloku.

Sorsi spjegaw li s-sbatax-il deputat komplew jgħarfu lill-President li m’għadhom jirrikoxxu lil Dr Delia bħala Kap tal-Oppożizzjoni u li innominaw lil Dr Therese Comodini Cachia biex tinħatar minfloku. Kif intlemħet dieħla għal-laqgħa mal-President għal ħabta tat-tlieta u kwart, għadd ta’ persuni dehru barra l-Palazz biex jappoġġjawha.

Fi stqarrija mid-deputati li sfiducjaw lil Dr Delia intqal li Dr Comidini Cachia tgawdi l-appoġġ unanimu tagħhom. Dan wara rapporti li kien hemm seta’ biddel fehmtu mill-vot li ttieħed fil-grupp Parlamentari.

B’kollox, il-President irid jiltaqa’ ma’ 28 deputat fosthom iż-żewg deputati indipendenti Godfrey Farrugia u Marlene Farrugia li bħalissa jinsabu msefrin u ġew rappurtati li f’taħdita bit-telefon mal-President Vella, iddikjaraw li huma wkoll jappoġġaw lil Dr Comodini Cachia bħala Kap tal-Oppożizzjoni.

Dr Delia kompla juża l-midja tal-Partit Nazzjonalista biex isostni l-pożizzjoni tiegħu li huwa l-Kap tal-Partit Nazzjonalista li jrid jassumi l-kariga ta’ Kap tal-Oppożizzjoni u li se jibqa’ leali sal-aħħar lejn it-tesserati Nazzjonalisti. Huwa stqarr li l-istatut tal-Partit Nazzjonalista jipprovdi li min ikun Kap tal-Partit għandu jkun il-Kap tal-Oppożizzjoni. Sadanitant,  id-deputati Nazzjonalisti li sfiduċjawh ħarġu stqarrija li fiha taw tliet raġunijiet għaliex il-pożizzjoni ta’ Dr Delia m’għadhix tenibbli fosthom għaliex qalu li ma rnexxilux jgħaqqad lill-elettorat li dejjem ta appoġġ lill-Partit Nazzjonalista u li ma rnexxilux iwarrab l-allegazzjonijiet serji li saru dwaru.

Aħbarijiet Oħra
COVID-19

Mistoqsija dwar jekk trabi għandhomx jitlibbsu maskri, Prof Gauci qalet li tfal taħt 3 snin m’għandhomx jitlibbsu l-maskra għax din tista’ tkun ta’ periklu għalihom. Dan qalitu meta kienet qed…

COVID-19

Il-Partit Nazzjonalista qal li jinsab infurmat li l-kumpanija Gozo Channel għad m’għandhiex sistema adegwata biex tara li fuq il-vapuri u fit-terminals, il-passiġġieri josservaw il-miżuri ta’ prevenzjoni mill-COVID-19 li ħabbar il-Gvern…

Kultura

Minn issa ‘l quddiem waħda mill-isbaħ xeni tal-Port il-Kbir tista’ titgawda minn fuq il-bejt ta’ Dar il-Mediterran għall-Konferenzi, fil-Belt. Dan hekk kif fi tmiem il-ġimgħa saret l-inawgurazzjoni ta’ dan il-proġett…

COVID-19

Is-Supretendent tas-Saħħa Pubblika, il-Professur Charmaine Gauci, qalet li minn meta daħal fis-seħħ l-avviż legali l-ġimgħa li għaddiet, diġà nħarġu ħames multi ta’ €3,000 ‘l waħda għal organizzaturi ta’ attivitajiet, restoranti…

Aktar