Storja
Il-President isellem lil dawk li nqatlu waqt li ppruvaw jaqsmu l-Ħajt ta’ Berlin

Bejn l-1961 u l-1989 il-Ħajt ta’ Berlin qasam poplu fi tnejn u llum il-fdalijiet tiegħu jservu bħala tagħlima biex storja bħal din ma terġax isseħħ.

Waqt żjara lill-fdalijiet ta’ dan il-ħajt fil-qalba tal-kapitali Ġermaniża, il-President ta’ Malta George Vella sellem lill-vittmi li ħallew ħajjithom huma u jippruvaw jaqsmu dan il-ħajt.

Il-President Vella qal li dan il-ħajt huwa s-simbolu ta’ kif il-poplu tal-Ġermanja ħadem biex reġa’ kiseb il-libertà.

Il-qasma fil-Ġermanja bdiet wara l-aħħar gwerra bir-rebbieħa jaqsmu f’erbgħa lil dan il-pajjiż. Iżda l-ħajt li ttella’ fl-1961 kien il-qasma fiżika bejn il-Lvant u l-Punent.

Bħala student tal-mediċina li qatta’ xi żmien il-Ġermanja fil-bidu tas-snin 60, il-President Vella jiftakar perfettament dawk iż-żminijiet.

“Lanqas irrid nemmen li għadda daż-żmien kollu. Meta ġejt l-ewwel darba, kif illum kulħadd jaf fl-1962, ittawwalna n-naħa l-oħra imma ma kienx żviluppat kif kien żviluppat bin-No Man’s Land u l-barbred wire. Imbagħad kont ġejt fl-1994 u kien diġà tneħħa ċ-ċint u kien hemm ħafna postijiet li ġew irranġati”.

Il-President ta’ Malta George Vella mexxa delegazzjoni fi żjara uffiċjali fil-kapitali Ġermaniza Berlin.

F’laqgħa mal-President tal-Ġermanja Frank-Walter Steinmeier fil-Palazz Presidenzjali f’Berlin, riflessjonijiet fuq ir-rabtiet b’saħħithom bejn iż-żewg pajjiżi u kwistjonijiet oħra li jmissu mal-blokk Ewropew u lilhinn.

Ftit bogħod mill-Palazz Bellevue, il-fdalijiet tal-Ħajt ta’ Berlin, b’parti minnu tħalliet u llum hija anke attrazzjoni turistika.

“Il-libertà ma tistax tneħħiha lill-bniedem għax jagħmel minn kollox biex jipprova jakkwistaha. U dan huwa l-messaġġ li hawn f’Berlin anke llum stess. Qed naraw belt pulsanti … belt kbira … belt li hija l-qalba tal-Ġermanja, wieħed mill-pajjiżi l-iktar importanti fl-Ewropa”.

Iż-żjara uffiċjali tal-President Vella f’Berlin ħaditu wkoll fil-mużew tal-Alleati, tefgħa ta’ gebla bogħod minn checkpoint Charlie – il-punt ewlieni minn fejn bejn l-1961 u l-1989 wieħed kien jaqsam b’mod formali mil-Lvant għall-Punent.

Imma għal ħafna li riedu jaħarbu l-Lvant ta’ Berlin, u ma jerġgħux imorru lura, l-istorja kienet differenti.

Ir-riskju, il-biża’ li jinqabdu, il-mewt – dawn kollha tħosshom meta żżur dan il-mużew li huwa mimli daqs bajda bir-rakkonti tal-istorja u tan-nies li ppruvaw jaqsmu mil-Lvant għall-Punent – min irnexxielu imma ħafna oħrajn le.