Lokali
Il-President itemm l-impenji fil-Portugall bi żjara f’ċentru ta’ riċerka tal-kanċer

Fi tmiem iż-żjara statali fil-Portugall, il-President Marie Louise Coleiro Preca qalet li l-laqgħat li kellha mal-mexxejja Portugiż għandhom iwasslu għal iżjed koperazzjoni bejn iż-żewġ pajjiżi. Fost l-aħħar impenji tal-President fil-Portugall, hija żaret is-Santwarju Marjan ta’ Fatima u ċ-ċentru ta’ riċerka dwar il-kanċer u mard ieħor.

It-tieni u l-aħħar jum taż-żjara tal-President fil-kapitali Portugiża Lisbona bdiet bi żjara fiċ-ċentru Champalimaud li huwa mmexxi minn fondazzjoni privata u ddedikat għall-riċerka biomedika.

Il-President semgħat kif iċ-ċentru qed jirriċerka u jiżviluppa kura speċjalizzata għall-kanċer u mard ieħor permezz ta’ metodi multidixxiplinarji. Fiċ-ċentru jagħtu sehemhom uħud mill-aqwa speċjalisti minn aktar minn għoxrin pajjiż kontribuzzjonijiet mill-oqsma tal-bioloġija, ġenetika, l-immunità, onkoloġija, xjenzi newroloġiċi u psikoloġija.

Il-President żaret ukoll l-kwartieri tal-aġenzija tas-Sigurtà Marittima Ewropea li ilhom bbażati f’Lisbona mill-2002. L-aġenzija EMSA għandha l-inkarigu li tnaqqas ir-riskji ta’ inċidenti marittimi u t-tniġġis minn vapuri billi tissorvelja l-portijiet tal-pajjiżi tal-Unjoni Ewropea.

Akkumpanjata mill-Ministru għall-Ekonomija, investiment u negozji żgħar Chris Cardona u s-Segretarju Parlamentari għall-Fondi Ewropej u d-Djalogu Soċjali Aaron Farrugia, uffiċjali mill-aġenzija spjegaw kif l-EMSA tipprovdi assistenza teknika u tikkopera ma’ aġenziji marittimi Maltin biex tassigura li qed jinżammu r-regolamenti u jkunu evitati diżastri ambjentali u telfien ta’ ħajjiet.

Iż-żjara tal-President intemmet uffiċjalment f’Fatima fejn żaret il-post tant meqjum u għażiż għall-Knisja Kattolika fejn mija u sena ilu kien hemm id-dehriet tal-Madonna ta’ Fatima lit-tliet itfal Luċija, Jaċinta u Franġisku.

Il-President intlaqgħat mis-sindku ta’ Ourem, Luis Alberqueque u żaret is-siti li huma ddedikati lill-Madonna ta’ Fatima f’Cova da Iria. Hija semgħet quddiesa fil-Kappella li tinsab fuq is-sit fejn kienu saru d-dehriet lit-tliet itfal Portugiżi. Żaret ukoll il-bażilika li hija ddedikata lit-Trinità Imqaddsa fejn hemm midfuna Jaċinta u Franġisku.

Fi tmiem iż-żjara tagħha, il-President qalet li t-taħdidiet li kellha fil-Portugall se jixprunaw kollaborazzjonijiet ma’ Malta f’diversi livelli.

Aħbarijiet Oħra
Infrastruttura

Wara li tqanqlu bosta oġġezzjonijiet għall-ftehim propost dwar il-kuntratt ta’ ċens ta 99 sena mal-grupp Corinthia, jidher li sar progress fuq xi bidliet fil-kuntratt li permezz tiegħu l-Corinthia ser tkun…

Kumpaniji

Toly Products hi l-eqdem fabbrika fil-qasam industrijali ta’ Bulebel, mnejn ilha topera kważi ħamsin sena. Minn bidu modest b’erbgħin impjegat matul is-snin, il-fabbrika kompliet tikber u llum timpjega 400 ħaddiem,…

Kronaka

Żewġ persuni jinsabu bi ġrieħi ta’ natura gravi wara li faqqa’ argument bejn 7 persuni fi Triq Villabate, f’Ħaż-Żabbar. L-argument seħħ għall-ħabta tal-16:00 meta mara ta’ 26 sena residenti f’Bormla…

Aktar