Ambjent
Il-President iżur l-ERA: “M’għandu jkun hemm l-ebda żvijar minn dak li titlob il-liġi”

Il-President ta’ Malta George Vella qal li l-ħidma li qed issir favur il-kwalità tal-ħajja, is-sostenibbiltà u l-ħarsien tal-ambjent fid-dinja tal-lum, jistħoqqilha żżomm fiċ-ċentru tagħha r-reputazzjoni tal-pajjiż.

Waqt żjara li għamel fl-Awtorità għall-Ambjent u r-Riżorsi (ERA), il-President faħħar ix-xogħol siewi li qed twettaq l-aġenzija, filwaqt li fakkar fir-responsabbiltà kbira li din għandha fis-soċjetà.

Meta aċċenna għall-applikazzjonijiet u l-permessi, il-President sostna li “Ma għandu jkun hemm l-ebda żvijar minn dak li titlob il-liġi, bir-rettezza kollha u d-diliġenza meħtieġa minn kull wieħed u waħda mill-uffiċjali tal-infurzar.”

Żied li fl-istess ħin tajjeb li jitkompla x-xogħol biex tiżdied l-effiċjenza fl-ipproċessar tal-applikazzjonijiet u l-permessi , biex il-pubbliku jkompli jinqeda sew. “Żommu dejjem il-prinċipji ta’ trasparenza u kontabilità fil-qadi ta’ dmirijietkom,” sostna l-President.

Saħaq illi r-rilevanza tal-ħidma tal-aġenzija ma tiqafx biss fuq livell nazzjonali, iżda hija fundamentali wkoll sabiex il-pajjiż jikkontribwixxi għal għanijiet stabbiliti b’mod globali, bħalma huma l-Għanijiet għall-Iżvilupp Sostenibbli tan-Nazzjonijiet Maqgħuda.

Il-President elenka inizjattivi riċenti tal-aġenzija, fosthom it-tfassil tal-Istrateġija Nazzjonali dwar l-Ambjent li se sservi ta’ qafas għal pjanijiet, politika u programmi nazzjonali, u faħħar il-mod kif din l-istrateġija qed tħares lejn il-futur b’mod li tiżgura ppjanar sostenibbli.

Semma wkoll kif qed issir ħidma fuq it-tiġdid tal-Istrateġija għall-Bijodiversità, fuq strateġija dwar Speċi Aljeni Invażivi, u fuq regolamenti dwar il-valutazzjoni tal-impatt ambjentali, il-konservazzjoni tal-ambjent marittimu, l-użu ta’ prodotti tal-plastik li jintużaw darba biss u t-tniġġis tal-arja.

Waqt din iż-żjara, indirizzaw lil dawk preżenti wkoll il-Ministru għall-Ambjent, it-Tibdil fil-Klima u l-Ippjanar Aaron Farrugia, iċ-Chairperson tal-ERA l-Professur Victor Axiaq, u l-Kap Eżekuttiv tal-ERA l-Perit Michelle Piccinino. Fi tmiem iż-żjara, l-ERA ppreżentat donazzjoni lill-President u s-Sinjura Vella b’risq The Malta Community Chest Fund Foundation.