Ippjanar u bini
Il-President jappella biex jiġu reveduti r-regolamenti tal-ippjanar u l-bini

Il-President George Vella appella lill-awtoritajiet biex jirrevedu r-regolamenti eżistenti tal-ippjanar u l-bini, biex fi kliemu jkunu evitati iktar strutturi li jweġġgħu l-għajn.

Huwa għamel dan fi stqarrija, wara li jiem ilu esprima dispjaċir għall-għoti ta’ permess ta’ żvilupp għal blokka b’ħames sulari li fi Triq San Girgor fiż-Żejtun, li fiha trabba u għex Dr Vella.

Il-President ċaħad li qed jagħmel din il-kritika issa biss għax l-iżvilupp se jsir viċin daru, u elenka bosta okkażjonijiet matul is-snin li fihom tkellem favur l-ambjent u l-iżvilupp sostenibbli.

Huwa appella biex l-awtoritajiet responsabbli jagħtu ħarsa kritika lejn ir-riżultati li qed ikollha l-politika tal-ippjanar u l-permessi, li qal anki jekk jidhru tajbin u akkademikament iġġustifikati, ir-riżultat finali tagħhom huwa ikrah f’għajnejn kulħadd.