COVID-19
Il-President jappella biex niġbdu ħabel wieħed biex Malta toħrog mill-imxija tal-COVID-19

Il-President ta’ Malta George Vella appella biex kulħadd jiġbed ħabel wieħed u noffru koperazzjoni sħiħa fuq il-livelli kollha biex Malta toħrog mill-imxija tal-COVID-19 bl-inqas ħsara possibli.

Fi stqarrija dwar l-aħħar żviluppi tal-pandemija f’Malta, il-President Vella qal li bħal kumplament tad-dinja, il-pandemija reġgħet refgħet rasha bin-numri ta’ nies milquta dejjem jiżdied, minkejja l-miżuri kollha mill-awtoritajiet tas-saħħa.

Huwa ddeskriva s-sitwazzjoni bħala waħda inkwetanti li qed ikollha impatt fuq is-saħħa fiżika u mentali u fuq l-aspetti soċjali u ekonomiċi tal-pajjiż. Iżda b’mod partikolari qal li jinkwetah is-settur tan-nies vulnerabbli fosthom l-anzjani li raw ħajjithom tinqaleb ta’ taħt fuq. Irrimarka li huwa tajjeb li nikkritikaw in-nuqqasijiet b’mod kostruttiv, madankollu ħadd m’għandu jfixkel l-isforzi kollettivi fil-ġlieda kontra l-coronavirus.

Il-President Vella qal li huwa konxju tas-sagrifiċċji li qed jagħmel il-poplu u minn dawk mgħobbija bir-responsabiltà biex iħarsu s-saħħa pubblika. Huwa esprima apprezzament għal dawk kollha li jiġu wiċċ imb wiċċ mar-riskju li jieħdu l-virus fosthom il-carers, għalliema u edukaturi.

Temm il-messaġġ tiegħu biex kulħadd jibqa’ jsegwi d-direttivi tal-awtoritajiet tas-saħħa u nżommu f’moħħna li mhux daqstant fil-bogħod, hemm ċans kbir li jasal ukoll il-vaċċin li jgħin biex tingħeleb din il-pandemija.