Lokali
Il-President jappella għall-preservazzjoni tal-patrimonju naturali u storiku

Il-President ta’ Malta appella għall-preservazzjoni tal-patrimonju naturali u storiku. Wissa li jkun ta’ għajb għalina jekk ma nippreservawx il-patrimonju naturali u storiku tagħna u qal li ulied uliedna għandhom dritt igawdu Malta li tkompli tiġġedded mingħajr ma titlef ruħha fit-triq.

Huwa kien qed jindirizza serata kulturali fl-Imdina li matulha r-Reġjun Tramuntana, wieħed mill-ħames reġjuni ta’ Malta li jiġbor fih 12-il kunsill lokali, introduċa lill-pubbliku ktieb bl-isem ‘Colours of the North’

Qal li inizjattivi bħal dawn huma utli għall-pajjiż kollu u jkomplu jkattru l-patrimonju kulturali nazzjonali. Żied li jieħu pjaċir josserva li dawn il-kunsilli, minkejja d-differenzi politiċi u l-prijoritajiet varji li għandhom fl-irħula u l-ibliet tagħhom, ingħaqdu flimkien u ħadmu bis-sħiħ mal-awtur biex tinħareġ pubblikazzjoni tal-ogħla livell.

Irrimarka li meta jara din it-tip ta’ għaqda u koperazzjoni jifhem fejn nistgħu naslu bir-rieda tajba u bil-ftehim li jista’ jkun hemm bejnietna. Qal li minkejja d-differenzi ta’ bejnietna, nistgħu nirrispettaw lil xulxin u nikkoperaw flimkien fl-interess komuni.

Il-President fakkar li Malta dejjem kienet miftuħa għal numru kbir ta’ kulturi, reliġjonijiet, u fehmiet differenti. Irringrazzja lil kull min ta sehmu biex sar il-ktieb fosthom lill-awtur Natalino Fenech.

Il-kunsilli lokali li jagħmlu parti mir-Reġjun Tramuntana huma l-Imdina, il-Mellieħa, San Pawl il-Baħar, l-Imġarr, ir-Rabat, l-Imtarfa, Ħad-Dingli, il-Mosta, in-Naxxar, Ħal Għargħur, is-Swieqi u Pembroke.