Lokali
Il-President jgħid li għandu riservi serji dwar il-legalizzazzjoni tal-kannabis għal skop rikreattiv

Il-President George Vella qal li għandu riservi serji dwar il-legalizzazzjoni tal-marijuana rikreattiva. F’konferenza tal-Fondazzjoni Oasi, il-President stqarr li l-kannabis tista’ tkun ta’ benefiċċju għal skop mediku, iżda appella għal kawtela biex tkun legalizzata għal skop rikreattiv. Fil-konferenza ntqal li l-Fondazzjoni Oasi, is-sena li għaddiet tat servizz lil madwar 250 persuna minħabba dipendenza fuq droga.

F’konferenza tal-fondazzjoni Oasi li ilha 28 sena tagħti servizz f’Għawdex għal persuni dipendenti fuq id-droga, il-President George Vella qal li kemm bħala tabib u anki bħala missier għandu riżervi dwar kemm hu għaqli li l-użu tal-kannabis għal skop rikreattiv tiġi legalizzata. Dr Vella qal li jirrikonoxxi li l-użu tal-kannabis għal skop mediku jista’ jkollha benefiċċji iżda saħaq li wieħed għandu jkun kawt dwar li l-liġi għall-użu rikreattiv tagħha. Qal li wieħed għandu jagħti każ tar-riċerka dwar jekk l-użu rikreattiv tal-kannabis jistax iwassal għal dipendenza psikoloġika fuq din id-droga.

Il-Ministru għall-Familja Michael Falzon qal li huwa stmat li hawn elfejn ruħ li jbatu minn kundizzjonijiet mentali minħabba l-abbuż tad-droga. Dr Falzon qal li fost dawk li jabbużaw mid-droga hemm ukoll professjonisti jew persuni b’karigi għoljin u ħeġġiġhom biex ifittxu l-għajnuna.

Il-psikjatra Dr Anton Grech esprima tħassib minħabba l-effett katastrofiku li qed tħalli d-droga sintentika, fosthom anki tfal ta’ ħmistax-il sena, li qed jispiċċaw f’sitwazzjoni mentali li mhux faċli tikkuraha.

Dr Anton Grech qal “tista’ tikkawża psikożi, li wieħed jinqata’ totalment mir-realtà, jisma’ vuċijiet, jaħseb affarijeit li ma jeżistux”.

Skont statistika ppreżentata fil-konferenza ħareġ li fl-2017 f’Għawdex kważi nofs il-persuni li fittxew il-kura kienu jabbużaw mill-eroina, 28% kienu dipendenti fuq l-kokaina, u inqas minn 4% fuq il-kannabis.

Il-Kap Eżekuttiv tal-Fondazzjoni Oasi, Noel Xerri qal li ħafna minn dawk li jużaw is-servizzi f’Għawdex huma Maltin għalkemm ix-xejriet tad-dipendenza fuq id-droga f’Għawdex huma simili għal ta’ Malta.

Noel Xerri qal “l-iktar ħaġa li tinkwitana l-abbuż tal-kokaina u l-kannabis flimkien mall-alkoħol, illum wieħed ma jabbużax minn sustanza waħda biss imma numru ta’ sustanzi li l-bniedem juża”

Waqt il-konferenza ssemma’ l-bżonn li tissaħħaħ l-istrateġija ta’ prevenzjoni kontra d-droga fosthom b’ħidma iktar multidixxiplinarja b’servizzi iktar ħolistiċi għal dawk milquta minn dawn il-problemi.

Aħbarijiet Oħra
Budget

B’reazzjoni għad-diskors tal-Prim Ministru fil-Parlament, il-Kap tal-Oppożizzjoni Adrian Delia qal li Joseph Muscat ma’ wieġeb xejn fuq is-sitwazzjoni tal-għalliema, tal-middle class, tal-popolazzjoni tiżdied, fuq il-problemi tal-banek u fis-settur tal-gaming. Fuq…

Ambjent

Il-Ministru għall-Ambjent, Jose Herrera, waqt li rtira l-emenda oriġinali tal-Gvern għall-mozzjoni tal-Oppożizzjoni, ressaq emenda ġdida li permezz tagħha l-Parlament Malti iddikjara emerġenza fil-klima, bil-Kumitat Parlamentari tal-Ambjent u Ippjanar tal-Iżvilpp jinbidel…

Budget

Il-Prim Ministru Joseph Muscat ħabbar li l-Gvern xtara Villa G’Mangia fejn kienet tgħix ir-Reġina biex fiha isir proġett turistiku. Waqt li wieġeb għall-kritika tal-Kap tal-Oppożizzjoni għall-baġit, Dr Muscat żvela li…

Immigrazzjoni

Il-President Emeritu, Marie Louise Coleiro Preca, qalet li s-soċjetà Maltija għandha tagħmel dak kollu possibbli biex toħnoq id-diskors ta’ mibegħda. Hija kienet qed titkellem fid-dawl ta’ rapport minn The Times…

Aktar