Immigrazzjoni
Il-President jgħid li l-komunità internazzjonali trid tagħti iktar każ tal-Libja

Il-President ta’ Malta George Vella saħaq li l-komunità internazzjonali jeħtieġ li tagħti attenzjoni ikbar lil-Libja.

Huwa rrimarka dan waqt laqgħa fil-Palazz ta’ San Anton mal-Ministru għall-Affarijiet Barranin tal-Libja Najla Mangoush.

It-Tabib Vella qal li Malta hija mpenjata biex ikun hemm stabilità fil-Libja u ddeskriva l-aħħar żviluppi bħala inkoraġġanti.

Min-naħa tagħha Mangoush esprimiet l-apprezzament tal-Libja għall-kontribut ta’ Malta fil-medjazzjoni u fil-konsolidazzjoni tal-paċi.

Iż-żewġ naħat iddiskutew ukoll l-migrazzjoni bit-tnejn li huma qablu li mhux biss jeħtieġ kontroll fuq it-traffikanti tal-bnedmin imma anke li jiġu indirizzati l-kawżi ewlenin għall-migrazzjoni.

Preżenti għaż-żjara fil-Palazz ta’ San Anton kien hemm ukoll, fost oħrajn, il-Ministru għall-Affarijiet Barranin u Ewropej Evarist Bartolo.