Lokali
Il-President jiddiskuti mal-President Irlandiż u tal-Kroazja dwar kwistjonijiet li qed jolqtu lill-UE

Il-President George Vella jinsab Ruma fejn għada se jingħaqad ma’ presidenti mhux eżekuttivi minn stati membri tal-Unjoni Ewropea għal-laqgħa tal-Grupp Arraiolos. L-avveniment se jlaqqa’ 15-il president. L-impenji tal-Kap tal-Istat Malti bdew illum b’laqgħat individwali ma’ presidenti oħra.

It-Tlieta filgħodu l-President George Vella beda żjara ufficjali f’Ruma. Il-President kellu laqgħa bilaterali mal-President tal-Irlanda Michael D Higgins. Higgins ilu f’din il-kariga mill-2011 u qed iservi bhala d-disa’ President tal-Irlanda.

Wara l-laqgha mal-President Irlandiz, George Vella kellu laqgħa mal-President tal-Kroazja, Zoran Milanovic. Milanovic ilu jokkupa l-kariga ta’ President tal-Kroazja minn Frar tal-2020. Ma’ TVM il-President Vella tkellem fuq dawn iż-żewġ laqgħat bilaterali.

“Mal-President tal-Irlanda li kont ovjament diġà nafu qabel iddiskutejna l-ewwel nett problemi li għandhom x’jaqsmu mal-Ewropa, il-futur tal-Ewropa u anki affarijiet bilaterali…jiġifieri konna nafu lil xulxin diġà…qegħdin nirranġaw li anki sal-aħħar tas-sena aċċetta li sa jżur Malta…żjara statali…u anki ovjament tkellimna mbagħad fuq is-suġġetti li se jiġu diskussi għada rigward il-meeting tal-Arraiolos. Mal-President tal-Kroazja tkellimna wkoll fuq il-problemi tal-Ewropa…ovjament kif jarawhom huma min-naħa tagħhom tal-Balkani…problemi tal-immigrazzjoni, problemi anki dawn qed jikkontemplaw biex jadottaw l-Ewro fis-sena 2023 u l-problemi li jġib miegħu.”

Għada, l-Erbgħa, il-President George Vella se jieħu sehem fis-16-il laqgħa informali tal-Grupp Arraiolos. Din il-laqgħa se ssir fil-Palazz Quirinale f’Ruma, li huwa l-Palazz u r-residenza tal-President tar-Repubblika Taljana.

Għal-laqgħa tal-Grupp Arraiolos jieħdu sehem presidenti minn 15-il pajjiż fl-Unjoni Ewropea li matulha mistennija jiddiskutu kwistjonijiet kurrenti fl-Ewropa. Il-laqgħa tal-Grupp Arraiolos kienet bdiet fuq inizjattiva tal-eks President tal-Portugall, Jorge Sampaio, fl-2003 wara l-ewwel laqgħa fil-belt Portugiża ta’ Arraiolos.

Għal din iż-żjara uffiċjali l-President George Vella qed ikun akkumpanjat mis-Sinjura Vella u l-Ambaxxatur ta’ Malta fl-Italja, Carmel Vassallo.