Lokali
Il-President jiltaqa’ mal-ħaddiema Maltin fil-Ġermanja

Mat-800 Malti huma reġistrati b’residenza fil-Ġermanja, bl-ambaxxatur tal-Ġermanja għal Malta Vanni Xuereb jgħid lil TVM li n-numru jista’ jkun ħafna iktar.

Il-President George Vella li jinsab fuq żjara uffiċjali f’Berlin, iltaqa’ mal-ħaddiema tal-ambaxxata Maltija, li miegħu tkellmu dwar il-ħidma li jagħmlu biex jippromowvu lil Malta fil-Ġermanja. Qalu wkoll li l-ambaxxata hija mezz kruċjali ta’ komunikazzjoni, b’mod partikolari għar-residenti Maltin fil-Ġermanja.

L-ambaxxati huma punt ta’ riferiment. Huma l-pont li jagħqdu pajjiż ma’ pajjiż u ċittadini oħra. Iżda iktar minn hekk bil-moviment ta’ nies iktar jiżdied li jmorru minn pajjiż għal ieħor, kemm għat-turiżmu, impjieg jew residenza; l-ambaxxata hija mezz kruċjali ta’ komunikazzjoni. L-ambaxxatur tal-Ġermanja għal Malta, Vanni Xuereb, qal li għalkemm hemm tmien mitt Malti reġistrat jgħixu l-Ġermanja, in-numru jista’ jkun ħafna iktar.

“Fil-verità hemm iktar għax hemm numru ta’ żgħażagħ Maltin li ġew hawn biex ikomplu l-istudju tagħhom fl-universitajiet hawnhekk u għandek ukoll oħrajn li qegħdin hawn, they decided to settle down, għadhom forsi m’għandhomx impjieg, għadhom mhumiex reġistrati jiġifieri l-komunità hija ikbar ċertament iżjed minn tmien mitt ruħ u naħseb li hawn f’Berlin iktar u iktar qed jiżdiedu.”

L-ambaxxata ta’ Malta fil-Ġermanja qiegħda fil-qalba tal-kapitali Berlin. Fi triq bieżla politikament bil-preżenza ta’ ħafna ambaxxati. Il-President ta’ Malta George Vella li jinsab fuq żjara uffiċjali f’Berlin, iltaqa’ mal-istaff tal-ambaxxata Maltija, li miegħu tkellmu dwar il-ħidma li jagħmlu biex jippromowvu lil Malta fil-Ġermanja.

“L-attrazzjoni ta’ Berlin qed tiżdied sew inħossha jien, kemm bħala post ta’ turiżmu u anke post fejn Maltin jiġu jgħixu.”

Berlin hija l-belt tal-bliet. Belt stat – waħda minn sittax fil-Ġermanja u b’ħafna postijiet fiha bil-karattru uniku tagħhom. Dan forsi wkoll huwa dovut għall-istorja tagħha, riflessa wkoll fil-bini maestuż ta’ Humboldt Forum. Il-post li matul is-sekli serva biex in-nies tinġabar u tesprimi l-ideat politiċi, ekonomiċi u soċjali tagħha. Il-ġrajjiet ta’ Berlin rawha kważi tiġġarraf għalkollox fit-Tieni Gwerra Dinjija u tinqasam fi tnejn fl-1961. U fil-qalba tagħha,Checkpoint Charlie, tifkira tal-Gwerra l-Bierda u l-qasma ta’ Berlin. Il-President ta’ Malta żar ukoll il-mużew tal-Alleati fl-istess post, li huwa wirja permanenti tal-istorja politika u militari u l-irwoli tal-Alleati fil-Ġermanja partikolarment minn wara l-aħħar gwerra sal-1994.