Lokali
Il-President jirrappreżenta lil Malta fiċ-ċerimonja tal-ħatra ta’ Imperatur ġdid tal-Ġappun

Il-monarkija Ġappuniża hi l-eqdem fid-dinja li għadha taħtar l-eredi għat-tron bħala Imperatur. L-Imperatur il-ġdid, Naruhito, tela’ fuq it-tron għall-ewwel darba llum f’ċerimonja antika ħafna fil-Palazz Imperjali f’Tokjo. Iċ-ċerimonja saret fil-preżenza ta’ bosta dinjitarji, b’Malta irrappreżentata mill-President George Vella.

Jum ta’ btala speċjali fil-Ġappun, bil-pajjiż magħqud f’ċelebrazzjoni mal-Imperatur il-ġdid, Naruhito, li tela’ għall-ewwel darba fuq it-tron minn fejn ħabbar uffiċjalment il-bidu tal-era tiegħu. L-Imperatur li għandu 59 sena daħal fil-kariga f’Mejju li għadda wara li missieru, Akihito, abdika. Madankollu ċ-ċerimonja ewlenija tal-ħatra dejjem issir xi xhur wara u ssegwi rit li jmur lura sekli sħaħ.

L-Imperatur Naruhito u martu Masako – b’ilbies ċerimonjali – kienu fi tron kull wieħed. L-akbar wieħed, magħruf bħala Takamikura, hu riżervat għall-Imperatur. Minn hawnhekk hu qara l-proklama formali fejn wiegħed li se jaqdi dmiru skont il-kostituzzjoni bħala simbolu tal-istat u tal-għaqda tal-poplu. Ħdejh: xabla antika u ġojjell – tnejn minn tliet teżori sagri tal-monarkija Ġappuniża li jinżammu sigrieta u huma simboli tal-poter tal-Imperatur.

Preżenti fil-Palazz Imperjali madwar 2,000 mistieden fosthom kapijiet ta’ stat, membri ta’ familji rjali u rappreżentanti ta’ gvernijiet minn 190 pajjiż. Malta kienet rappreżentata mill-President u s-Sinjura Vella.

Il-President qal “id-diskors tal-Imperatur qasir ħafna kien. Kien diskors sempliċiment fejn jitkellem fuq ix-xewqa tiegħu li jkompli jara s-suċċess tal-poplu Ġappuniż u anki li juża l-kapaċitajiet tiegħu biex ikompli jkabbar il-prosperità u l-istess anke l-Prim Minisru Shinzo Abe, diskors qasir ħafna biex jirrikonoxxi dak li qal l-Imperatur. Li jimpressjonak hu l-fatt li għandek kważi kulħadd mid-dinja; Presidenti, Prim Ministri, minn kullimkien u nerġa’ ngħid il-mod kif kienet orgaizzata li hi xi ħaġa li vera timpressjonak. Min-naħa l-oħra issa jkun hemm il-lejla ikla uffiċċjali fejn imbagħad hemmhekk ikun hemm iċ-ċans li wieħed jgħaddi xewqat sbieħ lill-Imperatur.”

Iċ-ċerimonja li ħadet nofs siegħa ntemmet bl-għajta għal 3 darbiet “Banzai” mill-Prim Ministru Shinzo Abe b’awguri għall-għomor twil lill-Imperatur il-ġdid.

Miljuni ta’ Ġappuniżi segwew iċ-ċerimonja minn darhom, anke għaliex parata tradizzjonali li ssir wara ċ-ċerimonja fejn l-Impertur il-ġdid jgħaddi mit-toroq ewlenin tal-kapitali, Tokjo, f’karozza miftuħa jsellem lill-Ġappuniżi ġiet posposta għax-xahar id-dieħel b’rispett lejn il-vittmi tat-tifun Hagibis li laqat il-Ġappun ġimgħa u nofs ilu u ħalla mat-tmenin persuna mejta u ħafna ħsarat.

Aħbarijiet Oħra
Immigrazzjoni

TVM jinsab infurmat li matul il-lejl li għadda, grupp ta’ madwar 90 immigrant li ġew salvati fil-Mediterran fiż-żona ta’ tiftix u salvataġġ ta’ Malta ttieħdu fuq vapur tal-Captain Morgan li…

COVID-19

Il-pandemija u r-reħi tar-restrizzjonijiet ġabu magħhom l-użu tal-maskra. Filwaqt li ħafna qed jużawha kif obbligati jagħmlu f’ħafna postijiet pubbliċi, osservajna li bosta qed jilbsu biex taparsi libsuha. Id-Direttur tad-Direttorat tal-Promozzjoni…

Lokali

Il-Ministru għall-familja, id-drittijiet tat-tfal u solidarjetà soċjali Michael Falzon qal li bħalissa hemm 278 tifel u tifla li huma taħt ordni ta’ ħarsien mill-Aġenzija Appoġġ. Fi tweġiba parlamentari lid-deputat nazzjonalista…

Aktar