Politika
Il-President jistieden lill-Maltin li jgħixu barra jikkontribwixxu għall-bidliet fil-pajjiż

Il-President George Vella stieden lill-Maltin li jgħixu barra biex jikkontribwixxu għall-bidliet soċjali u politiċi f’Malta.

L-aħħar impenn tal-President f’Ruma kienet laqgħa mal-Maltin fl-okkażjoni ta’ Jum l-Indipendenza.

Dr Vella stedinhom isegwu mill-qrib l-iżviluppi tal-inizjattiva li ħadet il-Presidenza għat-twaqqif tal-Fondazzjoni għall-Għaqda Nazzjonali.

Matul iż-żjara uffiċjali tiegħu f’Ruma, il-President George Vella qal li r-relazzjonijiet bilaterali bejn iż-żewg pajjiżi baqgħu jikbru u jissaħħu.

Huwa sostna li l-pandemija waqfet milli jsiru laqgħat bħal dawn mal-komunità Maltija f’Ruma u għalhekk qal li kien kuntent li jitaqa’ maghhom.

Dr Vella qal li hekk kif pajjiżi bħal Malta u l-Italja qed ikunu xhieda ta’ atrocitajiet kbar f’pajjiżi oħra bħall-gwerra u l-guħ, il-poplu Ewropew irid ikun id-dawl li jagħti tama għall-preżent u l-futur.

Il-President Vella qal li Malta qed tesperjenza tibdil kbir biex issaħħaħ is-saltna tad-dritt u sostna li hu kellu u għad għandu rwol importanti ħafna.

Dr Vella qal ukoll li hu ħa nota ta’ dak kollu li ħareġ mill-inkjesta pubblika dwar il-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia.

“I have already started working on the areas where I have the authority to act. We are at a critical juncture that necessitates an inclusive and open dialogue across the whole spectrum of Maltese society which at the same time underlines the important nexus between the State, the institutions, and the people, both Maltese and all foreigners living among us”.

Dr Vella qal li fid-dawl ta’ dan kollu hu organizza għadd ta’ konferenzi bit-temi kienu l-għaqda nazzjonali, l-istat tan-nazzjon u l-100 sena anniversarju mill-Kostituzzjoni.

Il-President Vella qal li jinsab fil-proċess li jwaqqaf fondazzjoni għall-għaqda nazzjonali u ħeġġeġ lill-Maltin li jgħixu barra biex jipparteċipaw huma wkoll.