Barranin
Il-President tal-Messiku jfaħħar id-deċiżjoni ta’ Joe Biden li jħassar il-politika ħarxa kontra l-immigrazzjoni

Il-President tal-Messiku, Andres Manuel Lopez Obrador faħħar id-deċiżjoni tal-President tal-Istati Uniti Joe Biden li jħassar il-politika ħarxa kontra l-immigrazzjoni li kien adotta Donald Trump fosthom waqqaf il-bini tal-ħajt li jifred lill-Istati Uniti minn mal-Messiku. Fl-ewwel telefonata bejn Biden u Lopez Obrador ġew diskussi l-pandemija u l-koperazzjoni bilaterali.

Ftit wara li nħatar President tal-Istati Uniti aktar kmieni din il-ġimgħa, Joe Biden irrevoka d-dikjarazzjoni ta’ emerġenza ta’ Trump li biha kien qed jiġi ffinanzjat il-bini ta’ ħajt ta’ fruntiera. Jumejn wara, l-ħajt fi Ciudad Juarez, Chihuahua deher abbandunat bil-makkinarju u l-materjali mitluqin.

Il-Messiku għandu rwol kbira fil-pjani ta’ Biden għar-riforma fl-immigrazzjoni. Aktar kmieni dan ix-xahar, il-Messiku għen fl-isforzi ta’ kordinazzjoni fl-Amerika Ċentrali biex iżomm ħafna immigranti milli jaslu fl-Istati Uniti.