Barranin
Il-President tal-Messiku jħeġġeġ lill-Istati Uniti sabiex tirriforma l-politika dwar l-immigrazzjoni

Il-President tal-Messiku, Andres Manuel Lopez Obrador ħeġġeġ lill-Istati Uniti sabiex tirriforma l-politika dwar l-immigrazzjoni hekk kif eluf ta’ immigranti jinsabu mblokkati mill-pulizija fil-pajjiż ġarr il-Gwatemala. Lopez Obrador esprima t-tama li l-President elett Joe Biden jaqbel li jaħdem mal-Messiku u pajjiżi oħra dwar din il-kwistjoni.

Mas-7,000 immigrant il-maġġoranza tagħhom mill-Honduras daħlu fil-Gwatemala. Huma qed jittamaw li jivvjaġġaw lejn il-Messiku u mbagħad lejn il-fruntiera tal-Istati Uniti. Kull sena, għexieren ta’ eluf ta’ immigranti mill-Amerika Ċentrali jippruvaw jidħlu fl-Istati Uniti fi gruppi magħrufa bħala caravans.

Huma jsostnu li qed jaħarbu minn persekuzzjoni, vjolenza u faqar li hemm f’pajjiżhom fejn żewġ urugani kbar li laqtu l-Amerika Ċentrali f’Novembru komplew ħallew ħerba akbar.