Lokali
AĠĠORNAT 2: Il-President Taljan Mattarella f’taħditiet f’Malta dwar l-immigrazzjoni u l-kummerċ

Il-President tal-Italja Sergio Mattarella beda żjara statali ta’ jumejn f’Malta. Din hi t-tieni żjara tal-President Mattarella f’Malta, lejliet il-ftuħ tal-laqgħa Arraiolos, li se tlaqqa’ f’Malta lill-Presidenti mhux eżekuttivi tal-Unjoni Ewropea. F’laqgħa mal-President Marie-Louise Coleiro Preca, il-President Taljan tkellem fuq ir-relazzjoni speċjali bejn iż-żewġ pajjiżi li hija mmarakata b’kollaborazzjonijiet b’diversi oqsma.

Il-President tal-Italja Sergio Mattarella ngħata merħba f’ċerimonja fi Pjazza San Ġorġ. Wara li ndaqq l-Innu Nazzjonali tal-Italja u l-Innu Nazzjonali Malti, iż-żewġ Kapi ta’ Stat spezzjonaw il-Gwardja tal-Unur. Qabel komplew bit-taħditiet fil-Palazz tal-President, saret il-preżentazzjoni tar-rigali. Il-President Marie-Louise Coleiro Preca ppreżentat karozzin tal-filugranu, waqt li l-President Mattarella ppreżenta vażun magħmul mill-murano ta’ Venezja.

Il-kwistjoni tal-immigrazzjoni fir-Reġjun tal-Mediterran kienet it-tema ewlenija diskussa bejn iż-żewġ Presidenti. Konxja mill-fatt li l-Italja qed taffaċċja l-akbar piż ta’ immigranti, il-President ta’ Malta saħqet fuq il-ħtieġa li dan il-piż jinqasam bejn l-istati membri tal-Unjoni Ewropea.

Il-President Coleiro Preca qalet, “Malta stands in full solidarity with Italy to help deal with the current migratory pressure from the central Mediterranean route. Malta believes that relocation remains a key measure in order to alleviate the pressure on front line EU members by sharing the responsibility in dealing with applicants.”

Il-President Mattarella qal li l-Italja u Malta huma tal-istess ħsieb dwar il-paċi u l-kollaborazzjoni internazzjonali. Qal li dan hu rifless fuq it-tema tal-immigrazzjoni u s-solidarjetà mal-pajjiżi Afrikani fil-kuntest Ewropew. Huwa faħħar lil Malta li ħadet l-ammont ta’ immigranti skont il-kwota stabbilita mill-Unjoni Ewropea.

Il-President Mattarella qal, “E’ avvenuto anche in altri paesi, non e’ avvenuto in tutti i paesi, dimostrando che l’unione ha bisogno di fare molta strada per acquisire il senso della solidarieta’ e del comune impegno su alcuni fronti soprattutto quello del fenomeno migratorio.”

Dwar il-Libja, il-President Taljan qal li l-Italja qed tħeġġeġ lill-Unjoni Ewropea biex flimkien man-Nazzjonijiet Magħquda tgħin biex ikun hemm stabilizazzjoni f’dan il-pajjiż u biex jitjiebu l-kundizzjonijiet fil-kampijiet tar-refuġjati.

Iż-żewġ Presidenti għamlu referenza għall-interconnector bejn Malta u Sqallija, bil-President Coleiro Preca tesprimi t-tama li jkun hemm l-istess livell ta’ koperazzjoni biex isir pipeline tal-gass naturali.

Il-President rrimarkat li l-Italja tibqa’ l-akbar sieħeb fin-negozju, b’madwar 3,320 kumpanija Taljan li jaħdmu minn Malta.

Iż-żewġ Presidenti aċċennaw għar-relezzjonijiet speċjali bejn l-Italja u Malta u l-kollaborazzjoni ekonomika għal dik politika u kulturali. Dan kien rifless anke fil-messaġġ tal-President Mattarella fil-ktieb tal-viżitaturi.

Il-President Mattarella kellu laqgħat ukoll mal-Prim Ministru Joseph Muscat u mal-Kap tal-Oppożizzjoni Simon Busuttil. Preżenti għal dawn il-laqgħat kien hemm ukoll il-Ministru għall-Affarijiet Barranin Taljan Angelino Alfano.

Aħbarijiet Oħra
Lokali

L-istrapazz għal statwa waqt li tinġarr fuq l-ispalla f’jum il-festa, u l-varjazzjoni kbira tal-umdità fin-niċċa tagħha wasslu biex fix-xhur li għaddew saru interventi ta’ konservazzjoni fuq l-istatwa ta’ Santa Marija…

Lokali

Fi żmien tletin sena, mistennija jirduppjaw il-persuni bid-dimensja. Quddiem din l-isfida, il-Gvern waqqaf kumitat nazzjonali ta’ ħidma dwar id-dimensja. F’Malta hawn aktar minn 6,000 persuna li jbatu mill-kundizzjoni tad-dimensja. Dan…

Lokali

Il-Kamra tad-Deputati kellha dibattitu ta’ sagħtejn u nofs mingħajr ma ttieħed vot dwar it-titjib tas-servizzi tas-saħħa li ffoka fuq il-kuntratt tal-Gvern mal-VGH għat-tmexxija ta’ tliet sptarijiet tal-Gvern, tnejn f’Malta u…

Lokali

Erba’ spettakli, b’attivitajiet kulturali distinti, ser jimmarkaw il-bidu uffiċċjali tal-Belt Valletta bħala l-kapitali Ewropea tal-Kultura. It-tħejjijiet jinsabu fl-aqwa tagħhom għalkemm l-organizzaturi qegħdin iżommu pass lura u jħallu s-sorpriżi għas-Sibt li…

Aktar