Lokali
Il-Prim Ministru jħeġġeġ lill-konsli onorarji jkomplu jsaħħu l-profil ta’ Malta, il-President tħeġġiġhom ikunu messaġġiera tal-paċi

Il-Prim Ministru Joseph Muscat ħeġġeġ lill-konsli onorarji Maltin biex f’sena mimlija sfidi jkomplu jiġbdu l-istess ħabel biex jgħollu l-profil ta’ Malta bħala xempju ta’ prosperità u tama ekonomika. Fl-bdil tal-awguri għas-sena l-ġdida, il-President Marie-Louise Coleiro Preca ħeġġet lill-konsli jkunu messaġġiera tar-rispett u l-paċi.

Fil-laqgħa annwali mal-korp tal-konsli onorarji Maltin, il-Prim Ministru Joseph Muscat qal li s-suċċess u t-tisħiħ tal-profil ta’ Malta qed iseħħ riżultat ta’ bosta persuni fosthom il-konsli li jikkunsidrahom bħala ħolqa importanti. Dr Muscat ħeġġiġhom jibqgħu jiġbdu l-istess ħabel biex Malta tibqa’ xempju ta’ prosperità bl-inqas rata ta’ qgħad fiż-żona ewro u b’rekord ta’ mitejn elf persuna li qed jaħdmu.

Il-Prim Ministru qal li s-suċċess tal-pajjiż hu riżultat ta’ bosta fatturi fosthom il-kollaborazzjoni mill-qrib ma’ msieħba internazzjonali. Fakkar lill-konsli onorarji li din is-sena se tkun mimlija sfidi li sejjaħ ‘sbieħ’ fosthom b’referenza fost l-oħrajn għall-Belt bħala l-Kapitali Ewropea tal-Kultura. Qal li din se tkun opportunità biex il-Maltin jiftħu l-bibien għal iktar viżitaturi u biex Malta tippromwovi l-valuri tal-progress, is-solidarjetà u l-bidla soċjali.

Il-Prim Ministru radd ħajr lill-konsli li jagħmlu ħafna xogħol mingħajr ma jistennew jew jirċievu grazzi.

F’laqgħa separata mal-korp konsolari fil-Palazz, il-President Marie-Louise Coleiro Preca ħeġġet lill-konsli biex fil-qofol ta’ ħidmiethom ikunu messaġġiera tar-rispett, il-paċi u l-ġustizzja.

Qalet li nazzjon demokratiku, ikun b’saħħtu meta l-poplu jħoss sens ta’ konnessjoni mal-awtoritajiet tal-pajjiż u jieħu sehem b’mod attiv fl-iżvilupp ta’ pajjiżu. Argumentat li nazzjon b’saħħtu huwa meta l-poplu jħoss li għandu s-setgħa u jagħti sehmu.

Matul iż-żewġ laqgħat, id-Dekan tal-Korp Konsolari Onorarju, Godwin Bencini li hu l-Konslu għas-Slovakkja faħħar l-isforzi umanitarji tal-President biex tkattar ir-rispett reċiproku bejn il-popli u l-impenn tal-Gvern biex isaħħaħ ir-rabtiet ekonomiċi u diplomatiċi ma’ bosta pajjiżi fost dawk li jirrappreżentaw il-konsli f’Malta.

Aħbarijiet Oħra
Droga

L-aġenzija Sedqa qed tinnota żieda fl-għadd ta’ persuni li jirrikorru għall-għajnuna minħabba l-użu ta’ stimulanti bħall-kokaina, ecstasy u b’mod partikolari d-drogi sintetiċi bħal cannabinoids li huma differenti mill-kannabis. Mill-banda l-oħra…

Saħħa

L-anzjani li jgħixu ż-Żurrieq, il-Gżira u l-Mosta qed jivjaġġaw fil-lokalità tagħhom permezz ta’ tuk tuk, li jmur għalihom id-dar u jwassalhom għall-qadja li jkollhom u jerġa’ jwassal lura. Dan huwa…

Lokali

Bħalissa, Occupy Justice qed torganizza dimostrazzjoni għall-verità u l-ġustizzja fi Pjazza l-Assedju l-Kbir.  

Saħħa

Wara xahrejn ta’ azzjonijiet industrijali mid-dentisti li jaħdmu mal-Gvern, jidher li hemm ċans ta’ żblokk bit-tilwima bejn il-Gvern u l-UHM li tirrappreżenta d-dentisti li jaħdmu fl-Isptar Mater Dei. TVM huwa…

Aktar