Lokali
Il-President tiċħad li ntużaw flus tal-MCCF għall-każ ta’ Paqpaqli

Riesqa lejn l-aħħar il-Presidenza ta’ Marie-Louise Coleiro Preca, bil-President Marie Louise Coliero Preca tiddeskrivi l-poplu Malti bħala wieħed ġeneruż li jaf jogħla ‘l fuq mill-argumenti u jingħaqad flimkien biex jesprimi s-solidarjetà u l-ġenerożità tiegħu ma’ min hu fil-bżonn. Ma’ Television Malta, il-President Coleiro Preca qalet li fl-aħħar erba’ snin, il-Fondazzjoni Malta Community Chest Fund ġabbret €19-il miljun u xejnet l-allegazzjonijiet li l-flus tal-Fondazzjoni ntużaw biex tħallas il-kumpens lill-vittmi tal-inċident Paqpaqli.

Il-President qalet “biex tkun tista’ tagħder, biex tkun tista’ tifhem, biex tkun tista’ tirrealizza x’inhuma l-aspirazzjonijiet tan-nies, int trid tgħix magħhom. Jekk titbiegħed ma tkunx tista’ tifhem x’qed iħossu u allura, din hi xi ħaġa li nħossha bħala parti mid-dover tiegħi, li jien inkun nista’ nitkellem u naqsam man-nies biex inkun nista’ nifhem aħjar x’inhuma l-ħidmiet li l-MCFF trid tagħmel.”

F’intervista fi tmiem żjara fi sptarijiet u residenzi f’Londra li jilqgħu pazjenti Maltin, il-President Coleiro Preca qalet li tixtieq tara lill-fondazzjoni tibqa’ tkun katalista biex iġġib lil-poplu Malti flimkien magħqud biex jgħin lill-għajru.

Il-President ta’ Malta qalet “matul dawn l-aħħar ħames snin, propjament erba’ snin għax jonqos il-pbir tal-aħħar sena, irnexxielna niġbru €19-il miljun li ntefqu kollha biex nagħmlu l-ħajja ta’ ħaddiehor aħjar, ta’ dawk in-nies u familji fostna li kellhom bżonn l-ispalla tagħna.”

Iddeskriviet bħala l-iktar mument ta’ niket l-inċident ta’ Paqpaqli għall-Presidenza tagħha.

Il-President qalet “għax diġà hija sfortuna biżżejjed li inti li jkollok attività organizzata b’intenzjoniiet tajba biex tiġbor flus ħalli tgħin lil ħaddieħor, tispiċċa kif spiċċat”.

Il-President żiedet tappella biex wieħed iħalli l-kawża kriminali tintemm kif għandu jkun, ħalli tkun assigurata ġustizzja.

Il-President Coleiro Preca waqt li saħqet li l-kontijiet tal-Fondazzjoni huma kollha awditjati insistiet li l-allegazzjoni li nħarġu l-flus mill-Fondazzjoni biex issolviet il-kawża ċivili dwar l-inċident ta’ Paqpaqli, tagħmel biss ħsara lil min għandu bżonn l-ispalla tal-Fondazzjoni.

Il-President Marie-Louise Coleiro Preca qalet “l-ebda ċenteżmu biex ġiet settled il-kawża ċivili, biex jingħata kumpens lill-vittmi, ma ħarġet mill-Malta Community Chest Fund. Il-flus li l-Maltin u l-Għawdxin taw biex jgħinu nies bil-kanċer, biex jgħinu persuni b’diżabiltà, jew familji vulnerabbli jew pazjenti li jkollna nsifruhom barra għall-kura – dawn il-flus kollha marru għall-iskop ta’ dawn l-affarijiet.”

L-attivitajiet għall-Fondazzjoni jilħqu l-qofol tagħhom fl-Istrina l-għada tal-Milied, bil-President tesprimi l-fiduċja li din ser tkun okkażjoni oħra li fiha tispikka l-ġenerożità tal-poplu Malti mal-proxmu tiegħu fil-bżonn.