Lokali
Il-President tisħaq fuq l-aċċess għall-kura tas-saħħa min-nisa fl-ewwel ġimgħat tat-tqala

Omm minn kull 10 m’għandhiex aċċess għall-kura ta’ saħħitha waqt l-ewwel ġimgħat tat-tqala.  Din is-sitwazzjoni hija ta’ inkwetanti tant li l-President Marie-Louise Coleiro Preca esprimiet it-tħassib tagħha dwar l-effetti negattivi li nisa li jkunu se jsiru ommijiet jistgħu jiffaċċjaw fl-istadju bikri tat-tqala.

Meta kienet qed tieħu sehem f’diskussjoni organizzata b’kollaborazzjoni mal-MSD for Mothers waqt il-Women Political Leaders Global Summit 2017, il-President irringrazzjat lil MSD for Mothers talli ħadu l-inizjattiva li jibdew jaraw x’servizzi qed jingħataw fil-pajjiżi Ewropej sabiex jiġu identifikati l-problemi f’dan ir-rigward.

Żiedet tgħid li filwaqt li l-indikaturi huma importanti, għax jagħtu stampa tas-sitwazzjoni, huwa meħtieġ li jiġu identifikati l-problemi biex issir pressjoni sabiex tittieħed l-azzjoni meħtieġa.

Il-President Coleiro Preca ikkonkludiet id-diskors tagħha billi qalet li s-sigurtà tal-ommijiet għandha tkun prijorità fuq l-aġenda tal-komunità internazzjonali għax mhix kwistjoni tan-nisa biss iżda hija dritt fundamentali tal-bniedem.