Politika
Il-President tiżvela s-sehem tagħha fil-liġi tal-IVF

Il-President Marie-Louise Coleiro Preca żvelat li sena ilu, fl-eqqel tad-dibattitu dwar l-emendi għal-liġi tal-IVF, hija għenet biex id-Deputat Prim Ministru Chris Fearne jikkonvinċi ruħu bl-argumenti tas-soċjetà ċivili kontra l-introduzzjoni tat-tqala bis-surrogacy.

F’intervista li xxandret waqt Rasimbras, il-President Coleiro Preca tgħid li fil-ħames snin li għaddew il-firda politika kienet ta’ swied il-qalb u stqarret li privatament ġibdet widnejn il-politiċi.

Titkellem b’esperjenza ta’ ħames snin li ma kienux faċli minħabba li deni tal-politika spiss kien ogħla min-normal. Il-President Coleiro Preca tistqarr li kien hemm mumenti meta lill-politiċi ġibditilhom widnejhom dwar kliem li wżaw fil-konfront ta’ xulxin u li bih ħasset li kienet qed tiżdied il-firda.

”Jien jiddispjacini li kien hemm mumenti meta ħasssejt li pajjiżi sejjer lura f’dan il-kuntest. Fejn nispiċċaw li biex nagħmlu argumenti rridu nitgħajru jew inkella ninsulentaw lil xulxin. U li allura l-politiċi tagħna setgħu ħafna aktar kienu etiċi fil-mod kif jippreżentaw l-argument.”

Mistoqsija dwar is-sehem li kellha f’April tal-2017 meta sejħet lill-Prim Ministru u lill-Kap tal-Oppożizzjoni għal-laqgħat separati dwar il-każ Egrant li eventwalment wassal għal elezzjoni bikrija – il-President qalet li mhux etiku titkellem dwar x’għadda bejnha u l-mexxejja fil-privat.”

”Aħna rridu nkunu results-oriented, meta jkun hemm ir-riżultat u mhux il-proċess biex tikseb ir-riżultat.’

Dwar jekk setgħetx tagħmel aktar biex il-partiti politiċi jibdew aktar kmieni jiddiskutu r-riformi fil-kostituzzjoni, il-President qalet li dejjem ħadmet biex iġġibhom madwar il-mejda. Iżda kien biss dan l-aħħar li nnutat bidla.

”Qabel l-elezzjoni tal-2017 kien hemm dan iċ-chair maħtur għall-konvenzjoni maħtur. Kien biss lejn tmiem is-sena li għaddiet li l-partiti ddeċidew li jaħtru rappreżentanti tagħhom u nibdew steering committe.”

F’ħames snin ta’ Presidenza tistqarr li kien hemm mumenti meta ħassitha f’morsa.

”Iva kien hemm diversi drabi fejn kien hemm mumenti meta ħassejt…. issa tinsiex.. il-background tiegħi wkoll. Kont ġejja minn ħajja politika fejn nagħmel argument pubbliku, niddiskuti b’ċertu libertà imma meta tkun President trid tagħżel. Jew tirrispondi għal kollox u tagħmel presidenza kontenzjuza, jew tifhem li r-responsabbiltà ta’ President hija li tkun kemm jista’ jkun ‘il fuq u above board.”

Hija tisħaq li hemm lok għal bidla fil-funzjoni u l-poteri tal-President.

”Il-kostituzzjoni tagħna ma tagħtix setgħat lill-President. Tgħid li l-President ta’ Malta huwa l-kustodju, il-gwardjan tal-kostituzzjoni imma fil-verità meta tfittex biex tara x’għodda għandek biex verament tkun gwardjan, issib li m’hemm xjen.”

Minkejja l-limitazzjonijiet, hija tikkonferma li fl-eqqel tad-dibattitu dwar l-emendi għal-liġi tal-IVF, ikkonvinċiet lid-Deputat Prim Ministru Chris Fearne biex jemenda partijiet mil-liġi proposta u li hi bħal oħrajn ma kinitx taqbel magħhom.

”Aktar minn kollox jien naħseb li s-soċjetà ċivili kienet qed tiġbed l-attenzjoni għall-issue tas-surrogacy, il-Gvern semagħha, mhux l-intervent tiegħi, jien dejjem, bħala President kont facilitator.”

Il-President Coleiro Preca appellat għal eżami tal-kuxjenza minn dawk li jidħlu fil-ħajja pubblika biex jagħrfu jgħollu l-istandards.

”Jien naħseb li kollha kemm aħna għandna bżonn kull min ikun fil-ħajja pubblika anki min imexxi intrapriżi pubbliċi, ikun hemm training u għarfien sew tar-responsabbiltajiet u l-mod u l-behaviour li jrid ikollna.”

L-ewwel parti tal-intervista ixxandret illejla fis-7.30pm fuq TVM, filwaqt li t-tieni parti tixxandar it-Tlieta fl-istess ħin.

Aħbarijiet Oħra
Lokali

Fi tmiem laqgħa li damet għaddejja aktar minn ħames siegħat, il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia qal lill-ġurnalisti barra id-Dar Ċentrali li l-laqgħa tal-grupp parlamentari kienet waħda kostruttiva u li fiha…

Kronaka

Tilef ħajtu fl-Isptar Mater Dei, il-ħaddiem żagħżugħ ta’ 23 sena mill-Mali, li l-Ħamis tal-ġimgħa l-oħra waqa’ għoli ta’ madwar 4 sulari fil-bini tal-iskola l-ġdida tal-Qawra. L-inċident seħħ meta nqasmet tavluna…

Lokali

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia deher dieħel id-Dar Ċentrali għal-laqgħa kruċjali tal-Grupp Parlamentari Nazzjonalista. Huwa kien milqugħ minn xi partitarji Nazzjonalisti. Mistoqsi minn TVM, Adrian Delia qal li mhux se…

Aktar