NGOs
Il-President u ċ-ċkejken Kane jagħtu bidu għall-maratona ta’ Puttinu

Iċ-ċkejken Kane Debattista u l-President George Vella taw l-ewwel daqqa ta’ ballun fil-maratona ta’ Puttinu Cares – biex b’hekk bdew sittin siegħa ta’ loghob kontinwu ta’ football u volleyball.

Il-Maratona fil-Marsa Sports Ground issa daħlet fil-ħmistax-il sena tagħha, bit-tema din is-sena hija Dar ‘il Bogħod mid-Dar.

Dr Victor Calvagna, wieħed mill-fundaturi ta’ Puttinu Cares, qal li l-fondazzjoni qed tagħmel ħilitha biex tixtri proprjetà fiċ-ċentru ta’ Londra għall-pazjenti li jkollhom bżonn kura speċjalizzata fl-isptartijiet hemmhekk. Dr Calvagna qal lil TVM, li Puttinu Cares teħtieġ tal-inqas 30 appartament żgħir.

“Ħafna minn dawn il-pazjenti bħalissa qed ikunu jew imorru Sutton jew jikru huma jew imorru għand is-sorijiet. Nixtiequ li jkollna xi ħaġa bħalma għandna Sutton, imma fiċ-ċentru ta’ Londra. Għalkemm ilna nipprovaw s’issa ma kellniex suċċess biex insibu dik il-proprjetà li nistgħu naffordjaw u li tkun ideali għal dan il-proġett.”

Dr Calvagna qal li hemm ħafna nies li qed jaħdmu fuq dan il-proġett, u qal li hu fiduċjuż li fis-snin li ġejjin isibu dak li qed ifittxu.

Bejn sittin u disgħin pazjent fix-xahar – minn trabi sa adulti – qed jitilgħu għall-kura fir-Renju Unit, li ħafna minnhom joqogħdu f’wieħed mill-25 appartament li Puttinu Cares għandu hemmhekk.

Missier Kane, Ryan Debattista qal li Puttinu Cares kien l-ikbar spalla ghalihom fl-aktar mumenti ebsin. “Jieħu ħsieb aktar milli tieħu ħsieb inti, għax dawn fil-verità kieku jrid jista’ ma jidħol xejn, biss però jaqbad l-uġigħ tiegħek u jġorru hu. Imnalla sibna lilhom, għidli lili x’kont se nagħmel jien li qatt ma sifirt, kelli nsiefer bit-tifel marid b’erba’ tumuri.”

Il-President George Vella għamel referenza għaż-żjara li għamel lill-pazjenti fl-appartamenti ta’ Puttinu ftit tal-ġimgħat ilu. Qal li bejn dak li tisma’ u tara hemm baħar jaqsam. Qal li hemmhekk ra xi jfisser kull ewro li jingħata lil Puttinu.

Il-maratona tiġi fi tmiemha nhar il-Ħadd u qed tixxandar fuq TVM u TVM2.

Aħbarijiet Oħra
Ambjent

Il-Wasteserv bdiet il-proċess biex tkabbar il-faċilitajiet tagħha fil-Magħtab. Madwar għoxrin bidwi fl-inħawi li bejniethom għandhom madwar 250,000 metru kwadru ta’ raba’ ġew infurmati li l-Wasteserv qed tikkunsidra li tespropja din…

Kronaka

Raġel ta’ nazzjonalità barranija ġie arrestat wara li allegatament saq fuq uffiċjal tal-pulizija. L-inċident seħħ għall-ħabta tas-17:30 fl-akkwati ta’ Buġibba u ġie arrestat ftit tal-ħin wara fil-Mellieħa. Aktar dettalji fil-ħin…

Lokali

Il-kumpanija Steward Health Care Malta ppreżentat lill-Awtorita tal-Ippjanar applikazzjoni ta’ żvilupp għall-Isptar San Luqa biex fi kliemha jerġa’ jingħata l-ħajja bħala sptar modern li jinkludi aċċessibiltà aħjar għall-ispazji miftuħin u…

Għawdex

Għadha attiva ħafna fuq l-aġenda tal-gvern l-idea li Malta jkollha sistema ta’ metro, tant li l-Ministru Ian Borg ikkonferma ma’ TVM li l-istudju dwar dan jinsab fl-aħħar fażi tiegħu u…

Aktar