Il-Presidenza qrib ukoll il-persuni neqsin mid-dawl

Fi kważi sitt snin, mill-2009 sa llum, il-fondazzjoni Maltija tal-Guide Dogs ipprovdiet taħriġ lil 73 persuna neqsin mid-dawl f’oqsma differenti biex tgħinhom ikunu aktar indipendenti u jgħixu kwalità ta’ ħajja tajba.

Fost is-servizzi li toffri b’xejn, il-Fondazzjoni Maltija tal-Guide Dogs hemm it-taħriġ dwar l-orjentazzjoni u l-mobilità ta’ dawn in-nies kif ukoll taħriġ għall-klieb apposta biex jassistu lill-għomja.

Dan it-taħriġ jgħin lill-persuni neqsin mid-dawl biex ikunu aktar siguri u indipendenti fil-ħajja ta’ kuljum tagħhom permezz ta’ fost oħrajn l-użu ta’ ‘Long white cane’.

Użat kif suppost, dan il-bastun jgħin lil persuni neqsin mid-dawl isibu l-bankini, turġien u ostakli kif ukoll huwa sinjal għal nies oħra li l-persuni li qed jużaw il-bastun huma neqsin mid-dawl.

Fl-okkażjoni tal-Jum Internazzjonali magħruf bħala White Cane Safety Day, f’diversi pajjiżi madwar id-dinja isiru attivitajiet biex titqajjem kuxjenza dwar l-għajxien indipendenti tal-persuni neqsin mid-dawl.

F’din l-okkażjoni jiġu ċċelebrati l-kisbiet tal-persuni nieqsa mid-dawl.

Il-President ta’ Malta Marie-Louise Coleiro Preca ltaqgħet mal-persuni għomja fil-Palazz tal-President il-Belt u akkumpanjathom f’mixja organizzata mis-Soċjetà Maltija tal-Persuni neqsin mid-Dawl minn pjazza San Ġorġ tul Triq ir-Repubblika sa’ Bieb il-Belt fl-okkazzjoni tal-White Cane Day.

Meta indirizzathom, il-President Coleiro Preca qalet li l-faċilitajiet għall-persuni neqsin mid-dawl tjiebu.

Qalet li meta kienet għadha Ministru ħadmet ħafna biex favur dan u llum anke fil-kariga ta’ President ta’ Malta, se tkompli tirsisti biex ma jkunx hemm diskriminazzjoni kontra l-persuni neqsin mid-dawl.

Hija tkellmet ukoll dwar l-importanza tas-social workers li jaħdmu f’dan il-qasam u li jkompli jiżdied l-għarfien.

Min-naħa tagħha s-Segretarju Parlamentari Justyne Caruana fi tmiem il-mixja laqgħet lill-membri tal-Malta Society for the Blind fil-bini tal-Ministeru u flimkien tkellmu dwar l-importanza tal-għarfien dwar kwistjonijiet relatati mal-persuni neqsin mid-dawl u kif ukoll dwar it-taħriġ li qed jingħata dwar l-għajxien indipendenti lill-persuni neqsin mid-dawl fic-ċentru l-ġdid SPERO.