Il-prezzijiet tad-djar f’Malta jogħlew b’4.6% fl-aħħar tliet xhur

Skond l-indiċi tal-Eurostat dwar il-prezzijiet tad-djar, Malta fl-aħħar tliet xhur tas-sena li għaddiet kellha l-ogħla żieda fil-prezzijiet fost il-pajjiżi tal-Unjoni Ewropea.

L-Eurostat qal li l-prezzijiet tal-propjetà fiż-żona Ewro żdiedu 1.1 fil-mija u bi 2.6 fil-mija fil-pajjiżi kollha tal-Unjoni Ewropea bejn Settembru u Dicembru li għadda meta imqabbel mal-istess perjodu tal-2013.

Fil-każ ta’ Malta jirriżulta li l-prezzijiet tad-djar f’Malta f’dawk it-tliet xhur għolew b’4.6 fil-mija.

Matul l-2014 meta s-suq tal-propjeta f’Malta seta kien influwenzat bil-miżura tal-budget li iffrankat it-taxxa għal minn jixtri l-ewwel propjetà tiegħu, il-prezzijiet tal-propjetà f’Malta għolew bi 11 fil-mija. Din kienet it-tieni l-ogħla rata wara l-Irlanda fejn id-djar għolew b’aktar minn 16 fil-mija.