X

Il-priġunieri daqshekk b’relazzjonijiet intimi fil-ħabs

Ir-relazzjonijiet sesswali intimi li kienu jseħħu bejn l-erba’ ħitan tal-ħabs bejn priġunieri u viżitaturi tagħhom waqt iż-żjarat estiżi, saru xi ħaġa tal-passat. Dan wara li d-Direttur Ġenerali ġdid, il-Kurunell Alex Dalli ddeċieda li jitneħħa l-bieb tal-kamra fejn kienu jsiru s-suppost laqgħat estiżi mal-priġunieri.

Għalkemm TVM irċieva ilmenti li dan il-privileġġ intilef, stħarriġ li għamel ma’ persuni mitħla tal-ħabs li m’humiex la uffiċjali u lanqas l-awtoritajiet wera li dawn ir-relazzjonijiet intimi saru disgustanti fost oħrajn għal qraba li jkunu qed jistennew għal-laqgħa estiża tagħhom ma’ qrabathom.

Iċ-ċaħda tal-attività sesswali intima għal priġunier fil-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin, fl-aħħar xhur saret parti mir-rutina wara li nqala l-bieb tal-kamra fejn isiru l-laqgħat estiżi. Sorsi li tkellmu ma’ TVM ikkonferma li dil-kamra maħsuba għal żjarat ta’ kuntatt mal-qraba tal-priġunieri, kienet spiċċat qiesha l-kamra tas-sodda għal uħud mill-priġunieri meta jkollhom żjarat mis-sieħba tagħhom għal sagħtejn darba fix-xahar.

Għalkemm xi qraba ta’ priġunieri ilmentaw ma’ TVM dwar il-qlugħ tal-bieb bl-iskuża tat-telf tal-privatezza, oħrajn li jafu sew is-sitwazzjoni, stqarrew li l-bieb magħluq kien spiċċa biex kienet qed tinħoloq sitwazzjoni ta’ imġiba li mhix xierqa għal post bħal mhu l-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin.

Il-faċilitajiet kollha tal-ħabs bħalissa jinsabu taħt il-lenti ta’ Kummissjoni li nħatret ix-xahar li għadda biex tfassal riformi għall-ħabs li b’popolazzjoni ta’ 600 priġunier f’binja antika qed iħoss il-pressjoni ta’ nuqqas ta’ spazju fosthom għal ħtiġijiet tal-priġunieri nfushom. Iċ-Chairman tal-Kummissjoni Anthony Ellul li sax-xahar id-dieħel irid jippreżenta r-rapport tiegħu, qal li l-Kummissjoni ser tikkunsidra kull possibiltà anke l-bini ta’ Faċilità ġdida.

Anthony Ellul qal “nasal biex ngħid li l-ebda ipoteżi mhi ħa tiġi skartata. Illum diġà għandna faċilità fl-Imtaħleb, il-YOURS u għalhekk mhux neskludi possibltà li jiġu kkunsidrati li jmorru barra.”

Is-sur Ellul, qal lil TVM li l-Ministru tal-Intern talab li jsir prison design brief. Minbarra l-estenssjoni jew bini ta’ faċilità ġdida, dan għandu jagħti kas ukoll il-manutenzzjoni tal-post.

Anthony Ellul qal li “se jsir xogħol ta refurbishment li hu bżonnuż ħafna speċjalment f’ċertu divisions li sfortunatament ilhom ma jaraw manutenzzjoni . Infurmat li sa ħmistax oħra jibdew l-ewwel xogħlijiet ta’ manutenzzjoni immedajt. Bħal xogħol ta dawl u servizzi tal-ilma.”

Is-sur Ellul qal li l-Kummissjoni qed tagħti kas l-ilmenti u t-talbiet tal-priġunieri u l-qraba tagħhom minbarra tal-uffiċjali tal-ħabs.

av :