Politika
“Il-prijorità ta’ dan il-Gvern tibqa’ l-iżvilupp edukattiv ta’ wliedna.” – PM

Il-Prim Ministru Robert Abela qal li l-progress soċjali u edukattiv tat-tfal hu kruċjali, għalhekk sostna li importanti li l-iskejjel jinfetħu, kemm jekk tingħata edukazzjoni online, kemm li t-tfal imorru fiżikament l-iskola, jew taħlita tat-tnejn. Intervistat fuq l-istazzjon One, Dr Abela qal li din is-sena naqsu b’żewġ terzi l-wasliet tal-immigranti f’Malta meta mqabbel mas-sena ta’ qabel. Il-Prim Ministru qal li hu laqa’ t-talba tat-tliet imħallfin li jestendi l-inkjesta ta’ Daphne Caruana Galizia sa Diċembru, filwaqt li dwar il-ħabs qal li dan għandu jkun post ta’ dixxiplina u rijabilitazzjoni.

Il-Prim Ministru Robert Abela qal li jemmen ħafna fil-preżenza fiżika tat-tfal fl-iskejjel. Intervistat minn Peppi Azzopardi fuq l-istazzjon One, Dr Abela qal li hu u martu se jibagħtu lil binthom ta’ 7 snin l-iskola. Il-Prim Ministru sostna li huwa importanti jintużaw sistemi differenti ta’ tagħlim sabiex l-ebda student ma jitlef l-edukazzjoni tiegħu. Mistoqsi fuq il-fatt li l-Union tal-Għalliema, MUT, qed tgħid biex il-ftuħ tal-iskejjel ikun pospost, il-Prim Ministru qal li l-Gvern għamel stħarriġ li juri li l-maġġoranza assoluta tal-ġenituri jridu li t-tfal imorru l-iskola.

Mistoqsi dwar it-tieni mewġa tal-Coronavirus, Dr Abela qal li l-Covid se jibqa’ fis-snin li ġejjin u għalhekk jemmen li l-pajjiż irid jadatta sakemm jasal il-vaċċin. Sostna li waqt li hu se jieħu l-vaċċin għax jafda lill-awtoritajiet tas-saħħa, ma jemminx li dan għandu jkun mandatorju.

Dwar l-immigrazzjoni, il-Prim Ministru qal li l-pajjiż għamel dak kollu possibbli biex isalva l-ħajjiet, iżda l-għan hu li n-numri ta’ wasliet f’pajjiżna jonqsu. Sostna li din is-sena waslu żewġ terzi inqas immigranti mis-sena ta’ qabel, b’Dr Abela jghid li l-pożizzjoni tiegħu tibqa’ li Malta ma tiflaħx iktar immigranti tant li qal dejqu l-kumment tal-kandidat għall-elezzjoni ta’ Kap tal-Partit Nazzjonalista Dr Bernard Grech li qal li Malta mhix full up għax inkella ftit li xejn tingħata għajnuna u solidarjetà lil Malta mill-Ewropa. Il-Prim Ministru qal li s-soluzzjoni tinsab fi xtut Libiċi.

Dwar l-inkjesta pubblika li qed tistħarreġ jekk il-Gvern setax evita l-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia, Dr Abela qal li t-termini tal-inkjesta kif maqbul bejn il-gvern u l-familja Caruana Galizia kienu li l-inkjesta tintemm f’disa’ xhur, jiġifieri sa Awwissu li għadda. Sostna li t-tliet imħallfin fuq il-bord talbuh estensjoni sa Diċembru u hu tahom din l-estensjoni.

Mistoqsi fuq il-fatt li fl-aħħar sentejn mietu 10 ħabsin, Dr Abela qal li l-ħabs hu żgħir għan-numru ta’ priġunieri li hemm. Qal li tkellem ma’ familja ta’ priġunier li qalulu kemm ilu mmexxi li mid-direttur attwali l-kurunell Alex Dalli llum il-qarib tagħhom m’għadux imkisser bid-droga. Qal li ma jaqbilx mal-idea li l-ħabs huwa post ta’ biża’, iżda jemmen fid-dixxiplina u r-rijabilitazzjoni.