COVID-19
Il-Prim Ministru flimkien mal-mexxejja Ewropej f’summit biex jiġi ssiġillat il-pjan ta’ rkupru għall-Ewropa

Il-Prim Ministru Robert Abela jinsab Brussell għas-summit ta’ Diċembru tal-Mexxejja Ewropej.

Matul din il-laqgħa, fuq nett tal-aġenda l-pjan dwar it-tilqima tal-Covid, il-budget multi-miljunarji Ewropew, kif ukoll bosta temi attwali oħrajn, fosthom Brexit.

Fl-ewwel sessjoni ta’ taħditiet, il-mexxejja qablu fuq it-triq i’l quddiem għall-pjan ta’ €750 miljun li se jiġi implimentat fix-xhur li ġejjin biex jagħti nifs lill-ekonomija tal-pajjiżi tal-Unjoni Ewropea li bħalissa għaddejjin minn sfidi kbar minħabba l-Covid-19.

Bħalissa l-mexxejja Ewropej qed jiltaqgħu fi Brussell għall-aħħar summit tal-Kunsill Ewropew. Fuq nett tal-aġenda hemm il-Covid-19 suġġett topiku ħafna minħabab li l-pajjiżi qed iħejju l-istrateġija tagħhom għat-tilqima. Malta mistennija jkollha l-ewwel konsennji fil-bidu tas-sena d-dieħla.

Wara li t-taħditiet bdew f’Europea Building waranofsinhar, illejla l-Mexxejja Ewropej irnexxilhom jissiġġilaw il-pjan ta’ 750 ibljun ewro għall-irkupru tal-Unjoni Ewropea li għalkemm kien hemm kunsens dwaru fis-Sajf, il-Polonja u l-Ungerija bdew jheddu li jużaw il-veto tagħhom biex jimblukkaw il-vot minħabba mekkaniżmu propost li bih l-istituzzjonijiet Ewropej ikunu jistgħu jwaqqfu l-fondi lill-pajjiżi li ma josservawx is-saltna tad-dritt f’pajjiżhom.

Dwar it-tibdil fil-klima l-mexxejja Ewropej mistennija jiddeċiedu dwar jekk hux se jdaħħlu miżuri ġodda bil-għan li jnaqqsu l-emissjonijiet tal-karbonju b’aktar minn 55% sal-2030. Dwar dan is-suġġett mistennija diskussjoni dettaljata, tant li għal dan is-summit mal-Prim Ministru Robert Abela qed jakkumpanjah il-Ministru tal-Ambjent Aaron Farrugia.

Għalkemm Brexit mhux fuq l-aġenda, hu mifhum li l-President tal-Kummissjoni Ewropea Ursola von der Leyen se tkun qed tagħti rendikont tal-laqgħa li kellha lbieraħ mal-Prim Ministru Ingliż Boris Johnson li qajla ħalliet effett fuq l-impass bejn iż-żewġ naħat.

Fuq twitter, il-President tal-KE qalet li d-diskussjoni ma’ Johnson kienet interessanti iżda għad hemm diverġenzi kbar. Wegħdet li sa tmiem il-ġimgħa jkun hemm deċiżjoni finali. In-negozjati bejn iż-żewġ naħat se jkomplu, bit-tama li jiġu konklużi f’dawn il-jiem.

Intant madwar il-mejda tad-diskussjoni, il-Griegi u ċ-Ċiprijotti mistennija jkomplu jagħmlu pressjoni fuq sanzjonijiet ġodda fuq it-Turkija fl-isfond ta’ operazzjonijiet li t-Turkija qed tagħmel f’ibħra kontestati miż-żewġ naħat. It-tensjonijiet komplew jiddetorjaw bil-proposta tal-President Tork Recep Tayyip Erdoğan għal soluzzjoni ta’ żewġ stati f’Ċipru li ilha maqsuma f’żewġ partijiet 46 sena.

Id-diskussjonijiet mistenijja jkomplui għaddejin sas-sigħat bikrin ta’ filgħodu intant għada l-ġimgħa l-Prim Ministru Abela mistenni jattendi għall-Euro Summit.