Kronaka
Il-Prim Ministru, il-Ministru tal-Intern u l-partiti politiċi bi kliem ta’ tifħir għall-ħidma tal-Pulizija

Fi tweet il-Prim Ministru Robert Abela faħħar il-ħidma tal-Korp tal-Pulizija. Qal li l-iżvilupp fil-każ tal-omiċidju doppju f’Tas-Sliema hu xhieda ta’ Korp mill-iktar effettiv u li fih jinkorpora uffiċjali li jistħoqqilhom rispett għal xogħolhom.

Fi tweet ukoll, il-Ministru għall-Intern Byron Camilleri qal li kien f’kuntatt mal-Kummissarju tal-Pulizija u rringrazzjah tal-ħdima tal-pulizija li waslet biex ġie arrestat is-suspettat ewlieni tal-qtil ta’ Chris Pandolfino u Ivor Maciejowsky. Huwa wiegħed li bħala Ministru se jibqa’ jaħdem biex il-Pulizija jkollhom iktar riżorsi biex jinkisbu riżultati bħal dak ta’ llum.

Il-Partit Laburista fi stqarrija qal li l-operazzjoni delikata mill-Korp tal-Pulizija tixhed il-ħidma professjonali tal-membri tal-Korp tal-Pulizija li ta’ kuljum juru impenn u dedikazzjoni mill-ikbar biex iħarsu lis-soċjetà u l-pajjiż jasal għal ġustizzja meta jseħħu delitti serji.

Fi stqarrija l-kelliem tal-Oppożizzjoni għall-Intern, Beppe Fenech Adami, qal li f’isem l-Oppożizzjoni jfaħħar u jsellem lill-Korp tal-Pulizija li wettqu operazzjoni perikoluża li wasslet għall-arresti marbuta mal-omiċidju doppju li seħħ f’pajjiżna ftit tal-jiem ilu.