Unjoni Ewropea
AĠĠORNAT: Il-Prim Ministru jattendi għal summit tal-Kunsill Ewropew

Mumenti deċiżivi għall-Unjoni Ewropea hekk kif qed joqrob tmiem il-perjodu tranżitorju bejn ir-Renju Unit u l-istess Unjoni biex iż-żewġ naħat jinnegozjaw l-aħjar pakkett wara Brexit.

Il-ftehim mar-Renju Unit huwa wieħed mit-temi mqanqala li hemm fuq l-aġenda tal-laqgħa tal-mexxejja Ewropej fi Brussell. Fost il-mexxejja jidher li hemm kunsens li hu fl-interess tal-Unjoni Ewropea u r-Renju Unit li jintlaħaq ftehim qabel Jannar meta jintemm il-perjodu ta’ tranżizzjoni, kif qalu l-Prim Ministri tal-Olanda u l-Irlanda.

Il-pożizzjoni ta’ Malta hija li għandu jkun hemm pjan ta’ kontinġenza għal kull eventwalità li tistà tinqala, kif komunikat mis-Segretarju Parlamentari għall-Fondi Ewropej Stefan Zrinzo Azzopardi waqt il-Kunsill dwar l-Affarijiet Ġenerali tal-Unjoni Ewropea aktar kmieni din il-ġimgħa.

Fi kliem il-Prim Ministru tar-Renju Unit Boris Johnson, is-summit ta’ Ottubru kellu jissiġilla il-ftehim bejn ir-Renju Unit u l-Unjoni Ewropea. Madanakollu, xahrejn u nofs ‘il boghod mit-tmiem tal-perjodu ta’ tranzizzjoni, in-negozjati għadhom ‘il boghod milli jwasslu għall-ftehim. Il-governanza, il-kompetizzjoni ġusta u s-sajd huma tliet punti li l-mexxejja Ewropej iridu li jkomplu jiddiskutu dwarhom biex jintlahaq xi forma ta’ ftehim.

Din l-inċertezza qanqlet reazzjoni fi Brussell, tant li dimostranti li nġabru barra l-bini tal-Kunsill Ewropew fejn qed jiltaqgħu l-mexxejja Ewropej biex iħeġġu li jintlaħaq ftehim ġust bejn iż-żewġ naħat.

It-tibdil fil-klima huwa s-suġġett għad-diskussjoni waqt iċ-ċena l-Ħamis filgħaxija, bil-mexxejja Ewropej se jitrattaw il-proposta tal-Kummissjoni Ewropea biex sa għaxar snin oħra, l-emmissjonijiet minn gassijiet tossiċi jonqsu b’55%.

Meta tissokta l-laqgħa -Ġimgħa,l-mexxejja mistennija jiddiskutu fost l-oħra ir-relazzjoni ma’ pajjiżi afrikani, temi esterni bħall-kwistjoni tat-Turkija u l-kriżi li qed iġġib magħha l-pandemija tal-coronavirus.