Politika
Il-Prim Ministru jgħid li l-Gvern beda ħidma favur governanza tajba

Ġimgħa wara l-ħatra tiegħu bħala Mexxej tal-Partit Laburista, il-Prim Ministru Robert Abela tkellem dwar il-ħidma li inbdiet favur governanza tajba u rrefera għal-kumitat li twaqqaf fil-kabinett li se jkun qed jidentifika u jressaq ‘il quddiem proposti li jsaħħu il-governanza tajba. Qal li dan il-grupp se jaħdem f’sinerġija mal-konvenzjoni kostituzzjonali.

F’attività politika fix-xatt ta’ Bormla, Dr Abela qal li l-Kummissarju tal-Pulizija ġdid ser jinħatar b’metodi tajbin fir-realtà tal-lum. Żied li se jkun il-Gvern li jieħu id-deċiżjonijiet u mhux se jħalli lil ħaddiehor jiddetta x’irid isir għax huwa il-Gvern li ingħata il-fiduċja mill-poplu. Kompla li min ma jridx jikkopera se jagħtih l-id tal-ħbiberija, imma d-deċiżjonijiet se jittieħdu. Sostna li d-deċiżjonijiet li jittiehdu iridu jiddefinixxu lill-Gvern bħala serju, iddixiplinat u ffukat.

Dwar l-għazla tal-kabinet, il-Prim Ministru qal li kienet weġgħa kbira li ma setax jaħtar il-grupp parlamentari kollu fil-kabinett għax ma kienx ikun sostenibbli, izda impenja ruħu li juża it-talent tal-grupp parlamentari kollu. Il-Prim Ministru Abela qal li l-Gvern se jibqa’ viċin in-nies b’mod konsistenti tul il-leġiżlatura billi hu stess se jinżel fit-toroq u fil-postijiet tax-xogħol biex jisma l-messaġġ tan-nies u jaġixxi fuqu.

Qal li Bormla huwa eżempju ċar tal-progress li sar fl-aħħar snin, iżda kompla li l-ħidma ‘l quddiem m’għandiex tkun biss rigenerazzjoni tat-toroq u tas-swar iżda jeħtieġ ukoll riġenerazzjoni soċjali. Dr Abela tkellem dwar il-bilanċ bejn l-iżvilupp u l-ambjent u qal li la l-ambjent u lanqas l-izvilupp m’għandom ikunu l-ħaruf tas-sagrifiċċju. Qal li se jagħti importanza akbar lil żvilupp sostenibbli li jħares dak li se jitħalla għall-ġenerazzjonijiet futuri.

Dr Abela rringrazzja lill-kandidat li ikkontesta kontrih, id-deputat Prim Ministru Chris Fearne li qal ingħaqad miegħu biex jiġbdu ħabel wieħed. Semma t-twaqqif ta’ kummissjoni li tissorvelja l-imġieba tal-membri u l-valuri tal-partit. Qal li irid li l-principji tal-partit dejjem jibqgħu jiġu osservati u li jkun partit miftuħ għal kulħadd.

Dr Abela qal li dan hu mument fejn il-Partit Laburista irid jibża għall-għeruq tiegħu, fosthom il-valuri soċjalisti, il-ġustizzja soċjali, l-integrità u l-onestà. Qal li t-tisħiħ ekonomiku hu ċ-ċavetta biex jimplimenta d-decizjonijiet li iwasslu għal aktar flus fil-but ta’ kulħadd.

Aħbarijiet Oħra
Kultura

Il-Karnival iferraħ lil ħafna nies, minn tfal sa kbar, b’nies bħal Ġeorge Żahra li ilu nvolut fil-Karnival għal nofs seklu. Iħossu qisu tifel meta jasal Frar u jibda r-Renju tal-bluha….

Riċerka

L-użu tal-Malti u l-Ingliż ser jiġi analizzat permezz ta’ serje ta’ seminars organizzati mill-Kunsill Nazzjonali tal-Malti taħt il-patriċinju tal-President George Vella. Thomas Pace, id-direttur tal-Kunsill Nazzjonali tal-Malti qal li l-istudju…

Stejjer Umani

F’Dar Frate Jacoba f’Marsaskala, sibna żewġt itfal qed jiġu mgħallma s-sengħa tar-raħħala, b’nagħġa għadha twelled u qed tisqi lill-frieħ tagħha. Fr Ray Scicluna li ilu jmexxi d-dar qalilna li t-tmint…

Aktar