Politika
Il-Prim Ministru jgħid li l-Oppożizzjoni ddur ma’ kull riħ bħal pinnur

Il-Prim Ministru u Mexxej tal-Partit Laburista, Joseph Muscat, qal li l-moviment Laburista hu konsistenti u kredibbli, u kapaċi joħloq il-ġid u jqassmu. Qal li din il-ġimgħa l-Oppożizzjoni kienet imħawwda bħat-temp fost oħrajn għaliex qabel il-maltempata kienet kontra l-mina bejn Malta u Għawdex, matulha kienet favuriha, u wara l-maltempata reġgħet kienet kontra l-mina. Qal li l-Gvern dejjem kien konsistenti u dejjem qal li hu favur il-mina bejn iż-żewġ gżejjer.

F’attività politika fir-Rabat, Dr Muscat qal li l-Oppożizzjoni qisha pinnur li ddur ma’ kull riħ, tant li qal li jekk il-Partit Nazzjonalista se jbiddel l-arma missu jagħmel pinnur. Żied jgħid li l-Partit Laburista mhuwiex il-moviment tal-pinnuri, imma tal-krdibbilità u l-konsistenza. Qal li dan ġara wkoll fil-Qorti, fejn membri tal-oppożizzjoni ħassew komdu b’wieħed mill-ġudikanti li fl-istess waqt iridu li jitneħħa għax inħatar mill-Gvern.

Dwar il-mozzjoni li l-Partit Nazzjonalista ressqet biex Keith Schembri jitneħħa mill-kariga ta’ Chief of Staff, Dr Muscat qal li l-fatti iridu jkunu magħrufa kollha u għalhekk wera t-tama li l-inkjesta ma ddumx ma tingħalaq, sabiex ikun jista’ jasal għall-konklużjonijiet u d-deċiżjonijiet tiegħu. Dr Muscat qal li met kienu ivvintaw fuqu u fuq martu dwar il-kumpanija Egrant, dejjem kien jgħid li jekk tinstab farka verità jitlaq. Huwa tkellem fit-tul dwar dak li ġara, u li wassal biex is-Sur Schembri jwaqqa’ l-kawża ta’ libell. Spjega li issa s-Sur Schembri diġà xehed fil-kawża u anke fl-inkjesti u l-Qorti kostituzzjonali f’każ ieħor kienet għamlitha ċara li xhieda fl-inkjesta m’għandiex tiġi preġudikata b’xhieda oħra fil-Qorti.

Dr Muscat qal li din il-ġimgħa sar ftehim dwar il-bord tal-inkjesta indipendenti dwar il-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia. Sostna li l-Gvern wera li mhuwiex supperv, u b’hekk intlaħaq kompromess.

Dr Muscat żied li fil-Parlament għaddeja diskussjoni dwar il-liġi tal-ugwaljanza, u anke dwar din, il-pożizzjoni tal-Oppożizzjoni għadha mhix magħrufa. Irrefera għal rapport fil-ħarġa tal-Mument li qal fih ġew attakkati żewġ tfajliet li qed jieħdu sehem fil-programm LEAD tal-Partit Laburista. Sostna li dan hu eżempju tal-maċoiżmu tal-Partit Nazzjonalista.

Il-Prim Ministru temm jgħid li fil-ġimgħat li ġejjin se jkompli jiddefendi l-istituzzjonijiet u jqassam il-ġid bl-għan li fil-Milied li ġej, il-familji maltin ikollhom aktar flus fil-but, u jinħoloq il-ġid għal kulħadd.

Aħbarijiet Oħra
Politika

Il-Kap tal-Oppożizzjoni u tal-Partit Nazzjonalista, Adrian Delia, qal li hu għadu l-Kap tal-Oppożizzjoni u tal-Partit Nazzjonalista. “Kien hemm aħbarijiet fuq il-midja li diġà Kap tal-Oppożizzjoni ġdid u ssemmiet l-Onorevoli Therese…

Politika

Fl-aħħar sigħat il-President ta’ Malta George Vella ltaqa’ ma’ diversi deputati tal-Partit Nazzjonalista fil-Palazz ta’ Sant’ Anton. Fost id-deputati li diġà kellhom laqgħa mal-President Vella kien hemm Beppe Fenech Adami,…

Politika

Il-vot ta’ sfiduċja f’Adrian Delia mid-deputati Nazzjonalisti ħoloq xenarji ġodda b’opinjonisti jgħidu li din is-sitwazzjoni kompletament ġdida fl-istorja politika ta’ Malta. Fil-programm Ras imb’ Ras fuq TVM, l-opinjonist Dr Mario…

Aktar