Politika
Il-Prim Ministru jgħid li se jibqa’ baħri flok kaptan

Il-Prim Ministru u Mexxej tal-Partit Laburista Joseph Muscat wiegħed lealtà sħiħa u spazju lis-suċċessur tiegħu u qal li hu se jibqa’ baħri flok kaptan.

Dr Muscat li tkellem fi tliet lokalitajiet qal li huwa rriżenja għax hekk kien hemm bżonn biex il-mexxej l-ġdid jibda paġna ġdida fi ħdan il-moviment laburista li qal huwa msejjes fuq l-għaqda u mhux il-firdiet u għandu mandat ċar biex jiggverna għal sentejn u nofs oħra.

Il-Prim Ministru u Mexxej tal-Partit Laburista, Joseph Muscat, stqarr li minn dejjem saħaq li ma jagħmilx iżjed minn żewġ termini u minkejja li fiċ-ċirkonsatanzi, it-tranżizzjoni għal mexxej ġdid ma saritx kif xtaq, ma jiddispjaċihx bid-deċiżjonijiet li ħa fl-aħħar ġimgħat u li wasslu biex tibda ssir ġustizzja.

Hu kien qed jitkellem f’Raħal Ġdid, waħda mit-tliet lokalitajiet fejn intlaqa’ mill-partitarji laburisti. Dr Muscat qal li filwaqt li affarjiet kbar li ġraw fil-passat għadhom taħt it-tapit, il-partit laburista wera li ma jħares lejn wiċċ ħadd biex issir il-ġustizzja. Qal li bid-deċiżjoni li jwarrab, ser jingħata sinjal politiku b’saħħtu ta’ paġna ġdida u min ġej warajh ser ikun jista’ jibni fuq it-tajjjeb sar.

Il-Prim Ministru qal li hemm min hu ġenwinament irrabbjat għal dak li ġara, inkluż uħud li qed jipprotestaw. Dr Muscat qal li l-moviment laburista se jibqa’ msejjes fuq l-għaqda, kuntrarjament għal ħaddiehor li qal l-unika ħaġa li tgħaqqdu hu l-għatx għall-poter.

Iddikjara lealtà lejn is-suċċessur tiegħu u qal li kuntent li flok kaptan ikun baħri li ser ikompli jistinka biex il-moviment ikompli jkun il-vuċi tal-maġġoranza l-kbira.

Il-Mexxej Laburista qal li jinsab lest li jiċċekken biex il-pajjiż jibqa’ miexi ‘l quddiem. Qal li dan il-Gvern għandu jdejh fuq il-polz tal-poplu u mhuwiex se jħalli li l-elezzjoni għall-mexxej ġdid ixaqqu u taqsmu min-nofs kif qal li sar lil ħaddieħor. Qal li b’dan il-proċess il-partit laburista ser jikkonferma kemm hu maqgħud. Dr Muscat qal li l-gvern għandu mandat ċar u ser ikompli jmexxi l-pajjiż għas-sentejn u nofs ta’ din il-leġiżlatura. Huwa qal li l-ikbar żball ikun jekk iħalli lil ħaddieħor jikteb l-istorja tal-Partit Laburista.

Anke biswit iċ-Ċentru Laburista fin-Naxxar, Dr Muscat qal li huwa kburi b’dan il-moviment li qal hu akbar mill-jien. Irrikonoxxa li saru żbalji iżda li refa’ dak li kellu jerfa’, u forsi refa’ wkoll dak li ma kellux jerfa’, għalkemm stqarr li bħala kap ta’ partit ir-responsabilità tibqa’ tiegħu. Qal li jagħmel dan kollu b’serentità għax il-moviment la beda miegħu u wisq inqas ser jispiċċa miegħu. Qal li jinsab ċert li Chris Fearne u Robert Abela ser jaħdmu biex iżommu l-maġġoranza tal-poplu. Qal li fihom it-tnejn jara l-kwalitajiet li jżommu lil kulħadd magħqud.

Il-mexxej Laburista ntlaqa’ wkoll fil-pjazza ta’ Ħaż-Żebbuġ. B’referenza indiretta għall-aħħar stħarriġ tal-opinjoni pubblika, Dr Muscat qal li l-Partit Laburista m’għandux bżonn numri biex juri s-saħħa tiegħu għax huwa partit li għandu jdejh fuq il-polz tal-poplu. Hu wiegħed lealtà u l-ispazju lill-mexxej il-ġdid u qal li ser ikun hemm biex jara lill-moviment jissaħħaħ u jara li dan il-moviment jikseb mandat storiku ieħor.

Jakkumpanjaw lill-Prim Ministru kien hemm martu Michelle, u ż-żewġ kandidati għat-tmexxija tal-Partit Laburista, Chris Fearne u Robert Abela.

Aħbarijiet Oħra
COVID-19

Minn 1,839 swab tests li saru fl-aħħar 24 siegħa ħarġu 20 każ ġdid u fiequ 2 pazjenti. B’hekk issa hawn 249 każ attiv. Minn meta bdiet l-imxija f’Malta kien hawn…

Lokali

Il-Ministru għall-Akkomodazzjoni Soċjali Roderick Galdes nieda l-viżjoni tal-ewwel Sistema Nazzjonali tal-Housing f’Malta. Aktar minn 50 stakeholder nġabru madwar il-mejda għat-tfassil tal-ewwel sistema ta’ housing f’Malta. Il-Ministru Galdes qal li d-deċiżjoni…

Aktar