Lokali
Il-Prim Ministru jgħid li ż-żgħażagħ huma fiċ-ċentru tal-viżjoni tal-Gvern

Il-Prim Ministru u Mexxej Laburista Robert Abela qal li ż-żgħażagħ m’humiex il-mexxejja ta’ għada, iżda tal-preżent. Waqt laqgħa mal-Forum Żgħażagħ Laburisti, FŻL, li kienet konformi mal-miżuri tal-awtoritajiet tas-saħħa, Dr Abela wieġeb numru ta’ mistoqsijiet minn diversi żgħażagħ għall-attivita’ li tfakkar is-70 anniversarju ta’ din il-fergħa Laburista. Il-Prim Ministru appella għal kandidatura żagħżugħa fl-elezzjoni ġenerali li jmiss.

Il-Prim Ministru qal li l-edukazzjoni hi ċ-ċavetta għal futur aħjar u enfasizza dwar l-importanza li l-istudenti Maltin u Għawdxin jibqgħu javvanzaw fil-vjaġġ edukattiv tagħhom. Qal ukoll li fuq livell ta’ Gvern hu kruċjali li jibqgħu jiġu offruti opportunitajiet ta’ xogħol mill-aqwa. Il-Prim Ministru saħaq fuq il-qalba għal vetturi elettriċi sabiex ikomplu jonqsu l-emmissjonijiet f’pajjiżna. Spjega kif Gvern imexxi minnu se jkun qed jaħdem anke sabiex juża l-fondi ewropej li nkisbu, għal din il-qalba. Dwar it-tlaqqim tal-Covid-19, il-Prim Ministru Abela qal li l-ħidma tal-Gvern bħalissa hija ffukata sabiex jitlaqqmu kemm jista’ jkun nies. Qal ukoll li meta wieħed iħares lil hinn minn pajjiżna, mhux kull pajjiż għandu aċċess għall-vaċċin. B’differenza għal dan Malta qed tkun kontinwament minn tal-ewwel li tirċievi d-dożi tat-tilqima fiż-żona Ewro.