Politika
Il-Prim Ministru jibda jżur in-negozji fil-Belt

Fl-ewwel minn sensiela ta’ laqgħat mal-pubbliku fi Triq ir-Repubblika, l-Prim Ministru Robert Abela akkumanjat mill-ufficjali tal-GRTU u tal-Kamra tal-Kummerc tkellem fost oħrajn ma’ sidien ta’ ħwienet tal-belt. Dr Abela qal li jemmen f’politika effettiva li tagħti widen għal dak li jgħidu n-nies u s-suq. Qal li r-reazzjoni li ingħata mill-pubbliku turi l-arja friska li diġa tinħass fil-pajjiż.

Mistoqsi mill-ġurnalisti dwar li fl-indiċi ta’ The Economist, Malta ġie klassifiakt bħala demokrazzija diffettuża ma’ pajjiżi bħal Belġju, l-Italja Ċipru u l-Greċja, il-Prim Ministru qal li l-Gvern qiegħed jaħdem biex idawwar il-folja.

“Irridu mmorru għal full democracy billi nkpmplu nagħmlu l-bidliet li hemm bżonn, bdejna mill-ewwel. Il-prijorità fil-Gvern tiegħi kienu l-bidliet istituzzjonali li hemm bżonn, ir-riformi fil-qasam tas-saltna tad-dritt li beħsibna nkomplu għaddejjin bihom, il-mod kif tinħatar il-ġudikatura u rifomi oħrajn bħal dik tal-ħatra tal-Kummissarju tal-Pulizija, nemmen li hija riforma b’saħħitha ħafna u nkomplu nibnu fuqhom.”

Mill-aspett kummerċjali, il-Prim Ministru Abela qal li l-Gvern għaddej b’diskussjonijiet mal-kommunità kummerċjali lokali biex tinstab soluzzjoni dwar ir-rata ta’ taxxa preferenzjali ta’ ħamsa fil-mija li titħallas mill-kumpaniji barranin li joperaw minn Malta.

“Għad hemm djalogu għaddej, jien infurmat kif jista jikkonferma Paul hawnekk u fejn jistgħu jintlaħqu soluzzjonijiet jintlaħqu.”

Is-sindku tal-Belt Alfred Zammit qal li l-Kunsill Lokali jinsab f’diskussjonijiet mas-sidien biex darba fil-ġimgħa il-ħwienet tal-Belt jibqghu mifuħin sa tard.

Il-President tal-GRTU Paul Abela ħeġġeġ lis-sidien tal-ħwienet biex ikomplu jinvestu biex ikunu jistgħu jikkompettu aħjar mal-kumplessi kummerċjali. Min-naħa tiegħu, id-Direttur Ġenerali tal-Kamra tal-Kummerċ Kevin Borg wera sodisfazzjon li l-Prim Ministru laqa’ l-proposti tal-kamra dwar il-governanza u wera l-appoġġ għad-deċżjonijiet li ittieħdu mill-Prim Ministru f’dan ir-rigward.