Budget
“Biex il-pajjiż jibqa’ jikkontrolla l-pandemija jrid jiżdied l-infurzar tar-regolamenti mill-pulizija” – PM

Waqt laqgħa mal-assoċjazzjoni tal-lukandi u ristoranti, l-MHRA, f’Kastilja l-Prim Ministru Robert Abela qal li biex il-pajjiż jibqa’ jikkontrolla l-pandemija jrid jiżdied l-infurzar tar-regolamenti mill-pulizija.

Dr Abela qal li jifhem li hemm setturi bħal dawk tal-bars li qed jilmentaw mill-infurzar li qed isir, iżda saħaq li dan hu meħtieġ biex il-pajjiż joħroġ minn dan il-perjodu b’suċċess. Qal ukoll li importanti li tintlibes il-maskra kullimkien biex titrażżan ir-rata tal-infezzjonijiet u li dan irid ikompli jsir b’kampanji edukattivi. Dr Abela qal li ma jixtieqx jagħlaq l-ajruport iżda jeħtieġ jiżdied l-iscreening ta’ dawk li jidħlu Malta.

Il-President tal-MHRA Tony Zahra qal li minkejja li s-settur għaddej minn żmien diffiċli ħafna jemmen li bl-għajnuna tal-Gvern u bil-kooperazzjoni ta’ kulħadd jingħelbu dawn l-isfidi kbar li qed taffaċċja d-dinja.