Ambjent
Il-Prim Ministru jiltaqa’ mal-bdiewa f’Kastilja

Wara l-protesta tas-Sibt li għadda mill-bdiewa tal-Magħtab dwar ir-raba li se jittieħdilhom biex jitkabbru l-faċilitajiet tal-wasteserv, il-bdiewa u r-residenti kellhom laqgħa ta’ madwar siegħa f’Kastilja mal-Prim Ministru Robert Abela u l-Ministru tal-Ambjent u l-Ippjanar Aaron Farrugia biex tinstab soluzzjoni.

Ir-residenti u l-bdiewa tal-Magħtab iddeskrivew il-laqgħa ta’ madwar siegħa f’Kastilja bħala waħda pożittiva li tat widen għall-appelli tagħhom, ewlenin fosthom biex ma titieħidx aktar art agrikola għall-impjant tal-Wasteserv fil-Magħtab.

Wara l-laqgħa Charlie Sciberras li tkellem f’isem il-bdiewa deher ottimist li jinstab kompromess.

“Hemm tama qawwija iġifieri, affarijiet pożittivi ħafna, pero għad baqalna ftit ieħor, imma l-affarijiet jidhru mixjin fit-triq it-tajba biex insibu kompromess tajjeb għall-kulħadd. Kemm biex l-art agrikola ma titteħidx, kif ukoll biex l-immaniġjar tal-iskart jitħaddem kif għandu jitħaddem.”

Is-Sur Sciberras żied jgħid li huwa l-bdiewa għadhom tal-fehma li ma għandha tittieħed l-ebda art agrikola. Qal li huma jaqblu li l-inċineratur jibda jopera fl-iqsar żmien possibli, biex ma jkunx meħtieg tittieħed iktar art biex tikber il-miżbla.

Il-Ministru għall-Ambjent Aaron Farrugia qal li wara li semgħa l-veduti tal-bdiewa u r-residenti, il-Gvern ser jikkunsidra l-pjani tal-Wasteserv għas-sit tal-Magħtab.

“Illum smajnihom, semgħu lilna u naħseb li l-interess taż-żewġ naħat huwa li jkollna ambjent b’saħħtu għall-immaniġjar tal-iskart f’pajjiżna.”

Mistoqsi dwar jekk huwiex possibli li l-inċineratur jitlesta f’inqas minn seba’ snin, il-Ministru Farrugia qal li l-Gvern qiegħed jikkonsulta mal-esperti dwar dan.

Qabel daħal għal-laqgħa il-Prim Ministru Robert Abela qal li l-għan tal-laqgħa huwa li ż-żewġ naħat jifmhu l-pożizzjoni ta’ xulxin.

“Lesti niddiskutu kif huma li lesti jiddiskutu l-bdiewa wkoll u naraw jekk nistgħux insibu pożizzjoni komuni li dwarha jkun jista jintlaħaq ftehim.”

Il-Kunsill lokali tan-Naxxar qal li fil-jiem li ġejjin ser ikollu laqgħa mill-Ministru Aaron Farrugia bħala parti mill-konsultazzjoni dwar l-espansjoni tal-impjant tal-Wasteserv fil-Magħtab.