Saħħa
Il-Prim Ministru jinawgura residenza tal-anzjani f’Ħal Għaxaq b’investiment ta’ €14-il miljun

Il-Prim Ministru Robert Abela u l-Ministru għall-Anzjani u l-Anzjanità Attiva Michael Farrugia inawguraw residenza ġdida tal-anzjani f’Ħal Għaxaq b’investiment ta’ €14-il miljun.

Ghigo Community Residence hija faċilità mgħammra biex tipprovdi l-kura meħtieġa 24 siegħa kuljum u għandha 150 sodda waqt li se timpjega mal-100 persuna.

Ir-residenza hija mgħammra b’servizzi aċċessibbli għall-anzjani li d-dipendenza tagħhom tvarja minn waħda żgħira għal dik għolja.

Waqt li l-maġġoranza tal-kmamar joffru veduta tar-raħal, kull kamra għandha ‘nurse call system’, WIFI, televiżjoni u servizzi oħra varji li jtejbu ħajjet l-anzjan skont il-ħtieġa.

Il-Prim Ministru Abela qal li minkejja l-isfidi li ffaċċjajna matul dan iż-żmien il-privat wera r-reżiljenza tiegħu, ma qatax qalbu u xorta waħda qed jinvesti biex joħloq l-impjiegi.

Il-Ministru Farrugia qal li l-Gvern qed ikompli jinvesti biex jassigura li l-anzjani jkollhom l-aqwa ħarsien meħtieġ.

Is-sid tar-residenza Ghigo Community Residence, John Ghigo, qal li din il-faċilità hija parti mill-viżjoni tiegħu personali fejn dejjem xtaq joffri post xieraq lill-anzjani tagħna sabiex jgħixu f’kumdità u f’trankwilità.

Is-sidien ta’ Ghigo Community Residence huma John Ghigo Holdings waqt li r-residenza se tkun immexxija minn AginCare.