Ambjent
Il-Prim Ministru jirringrazzja lil Neil Agius li qajjem kuxjenza u għarfien għal baħar aktar nadif

Il-Prim Ministru Robert Abela dalgħodu laqa’ fil-Berġa ta’ Kastilja lill-għawwiem Neil Agius li l-Ġimgħa li għadda rnexxielu jgħum b’suċċess minn Sqallija għal Malta.

Matul il-laqgħa, il-Prim Ministru Abela esprima l-gratitudni tiegħu għall-inizjattiva li ħa Neil Agius biex ikompli jqajjem kuxjenza u għarfien għal baħar aktar nadif u biex il-pubbliku jsir aktar konxju mill-konsegwenzi tal-plastik li jintrema fil-baħar.

Min-naħa tiegħu, is-Sur Agius spjega lill-Prim Ministru l-isfidi li ħabbat wiċċu magħhom tul l-għawma u esprima l-ħajr tiegħu għall-appoġġ li sab għall-inizjattiva Waveofchange kontra r-rimi tal-plastik fil-baħar.

Aktar tard, Neil Agius iltaqa’ wkoll mal-Kap tal-Oppożizzjoni, Adrian Delia.Il-kap Nazzjonalista rringrazzja lill-għawwiem ta’ 34 sena għall-inizjattiva li ħa biex ikompli jqajjem għarfien b’risq l-ambjent marittimu speċjalment il-konsegwenzi tar-rimi tal-plastik fix-xtut, il-bajjiet u l-baħar.

Dr Delia tenna wkoll l-appoġġ sħiħ tiegħu għall-kampanja ‘Wave of Change’.